Lokali

FILMAT : Muscat jaħrab milli jwieġeb dwar meta Konrad Mizzi ħa f’idejh il-kumpanija sigrieta fil-Panama

Filwaqt li jibqa’ jiddefendi lil Konrad Mizzi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab milli jwieġeb mistoqsija sempliċi dwar il-kumpanija sigrieta li għandu Konrad Mizzi fil-Panama, jiġifieri, meta Konrad Mizzi waqqaf jew ħa f’idejh il-kumpanija sigrieta fil-Panama.

Muscat ħarab minn din il-mistoqsija meta filgħodu kien qed iżur fabbrika tal-farmaċewtika f’Ħal Far.

Fl-aħħar jiem kien żvelat li Konrad Mizzi u l-mara tiegħu tiegħu mhux biss għandhom trust fi New Zealand, iżda l-Ministru Mizzi għandu wkoll kumpanija sigrieta fil-Panama, pajjiż li hu meqjus bħala wieħed mill-aktar korrotti fid-dinja.

Kellha tkun il-media soċjali li fl-aħħar jiem żvelat dettalji dwar din il-kumpanija sigrieta li għandu Konrad Mizzi fil-Panama, li min-naħa tiegħu, naqas milli jagħti dettalji bħal x’jisimha l-kumpanija sigrieta.

Il-Panama hi magħrufa mad-dinja kollha li tintuża biex jitwaqqfu dawn il-kumpaniji sigrieti biex fihom jitpoġġew flejjes kbar li jkunu ġew akkwistati minn attivitajiet illegali.

Malli Konrad Mizzi laħaq Ministru fl-2013, hu u Joseph Muscat biegħu il-powerstation tal-BWSC liċ-Ċiniżi, biegħu parti mill-Enemalta liċ-Ċiniżi u għamlu kuntratt mas-SOCAR tal-Ażerbajġan għax-xiri taż-żejt b’indħil dirett mill-Ministru Mizzi.

Dalgħodu, pressat minn NETnews.com.mt, Joseph Muscat baqa’ jirrifjuta li jwieġeb mistoqsija sempliċi dwar meta l-kumpanija sigrieta fil-Panama għaddiet f’idejn Konrad Mizzi.

Fl-istess waqt, Muscat baqa’ jiddefendi lill-Ministru Mizzi, li jumejn ilu nħatar Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara li Muscat stess biddel l-istatut biex dan seta’ jseħħ.

Fil-mistoqsijiet tagħhom, il-ġurnalisti staqsew jekk Muscat iħossux komdu li Konrad Mizzi fetaħ kumpanija f’pajjiż bħall-Panama, li huwa blacklisted mill-Unjoni Ewropea. Għal dawn il-mistoqsijiet, Muscat wieġeb li Konrad Mizzi kellu dritt jagħmel li għamel u li ma jsibx problema ladarba ddikkjara kollox.

joseph muscat 1