Futbol Sport

Gianni Infantino elett President ġdid tal-FIFA

L-Isvizzeru Gianni Infantino ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-FIFA wara li għeleb l-isfida tal-eqreb sfidant Sheikh Salman Ebrahim bin al-Khalifa fil-Kungress Straordinarju tal-FIFA. Il-kandidati l-oħra kienu l-Prinċep Ali u Jerome Champagne filwaqt li Tokyo Sexwale rtira ftit minuti qabel ma bdiet il-votazzjoni.

Fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni Gianni Infantino ġab 88 vot, is-Sheikh Salman ġab 85 vot, Prince Ali ġab 27 vot filwaqt li Jerome Champagne ġab 7 voti. Minħabba li l-ebda kandidat ma ġab iż-żewġ terzi tal-voti, kien meħtieġ rawnd ieħor.

Fit-tieni rawnd, Gianni Infantino ġab total ta’ 115-il vot, ix-Sheikh Salman ġab 88 vot filwaqt li l-Prinċep Ali ġab 4 voti. Jerome Champagne spiċċa mingħajr vot. Bit-total ta’ voti li ġab, Infantino qabeż il-kwota ta’ 104 voti li kien hemm bżonn.

Dalgħodu l-membri wkoll b’vot qawwi vvutaw favur riformi fl-organizazzjoni tal-FIFA. Il-pakkett ta’ riformi għadda b’89% tal-voti jkunu favur biex ikun hemm aktar trasparenza fl-attivitajiet tal-FIFA u jerġgħu jistabilixxu l-kredibiltà fl-organizazzjoni wara l-investigazzjoni dwar il-koruzzjoni s-sena li għaddiet.