Lokali

Iddiżgustat bil-Gvern u ddispjaċut għal pajjizna – Simon Busuttil

Ninsab iddiżgustat bil-Gvern speċjalment b’dak li għamel Konrad Mizzi u bil-kenn li qed jagħtih il-Prim Ministru. U ninsab iddispjaċut li pajjiżna huwa mmexxi minn dawn it-tip ta’ nies.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervent fuq il-programm Newsfeed fuq Net Television. Simon Busuttil qal li l-fatt li:

• Ministru tal-Gvern iwaqqaf kumpanija fil-Panama, tax haven magħruf għall-flus maħmuġa u l-evażjoni tat-taxxa, huwa hażin u inaċċettabbli.

• Dan isir wara, u mhux qabel, li sar Ministru, huwa ħażin u inaċċettabbli.

• Dan isir meta l-istess Minisru m’għandux assi personali dikjarati li jiġġustifikaw it-twaqqif ta’ kumpanija bħal din, huwa ħażin u inaċċettabbli.

• Dan isir minn Ministru li għandu f’idejh l-aktar proġetti kbar fil-pajjiż, huwa ħażin u inaċċettabbli.

• Dan isir minn Ministru ilu tliet snin taħt kritika ħarxa li ma ppubblika l-ebda kuntratt li ffirma f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, huwa ħażin u inaċċettabbli.

“Għalija dan huwa problema, huwa ħażin u inaċċettabbli. Għal Joseph Muscat mhux problema għax kollox jgħaddi,” qal Simon Busuttil. Hu qal li flok itih daqqa ta’ sieq ‘il barra, Muscat qed jiddefendi lil Konrad Mizzi. “La l-Prim Ministru tah promotion u għamlu Deputat Mexxej tiegħu flok ikeċċih; la l-Prim Ministru xorta qed jafdah bl-akbar proġetti tal-Gvern, allura l-Prim Ministru ħaqqu kundanna daqs kemm ħaqqu Konrad Mizzi,” sostna Simon Busuttil, filwaqt li qal li dak li qed jagħmel Joseph Muscat huwa ħażin u inaċċettabbli daqs dak li qed jagħmel Konrad Mizzi.