L-awtoritajiet Ġermaniżi m’għandhomx ħjiel dwar fejn marru madwar 130,000 immigrant li daħlu fil-pajjiż is-sena li għaddiet.
Wara li kienu rreġistrati hekk kif daħlu fil-pajjiż, dawn kellhom imorru lejn ċentri apposta… imma hawn qatt ma waslu. Ir-raġuni għaliex dan ġara ma hix magħrufa, u hemm il-possibbiltà li dawn marru lejn pajjiż ieħor inkella qed jevitaw l-awtoritajiet.
Dawn jammontaw għal madwar 13 fil-mija l-aktar minn miljun persuna li matul l-2015 daħlu fil-Ġermanja jfittxu l-kenn.
Kelliem għall-Ministeru tal-Intern qal li issa l-Ħamis kienu approvati sensiela ta’ miżuri mill-Parlament biex jgħinu jindirizzaw il-problema tal-immigranti neqsin. Fost l-oħrajn, dawn jinkludu li jingħataw dokument ta’ identifikazzjoni, bl-informazzjoni tal-individwu jitpoġġa f’database komuni.
Dan apparti li sar aktar faċli biex il-barranin ħatja ta’ reat jiġu ddeportati u r-regoli biex familji tal-immigranti jingħaqdu saru iktar diffiċli.
Dawn il-miżuri kienu tressqu wara l-inċidenti li kien hemm fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena f’Kolonja u bliet oħrajn Ġermaniżi meta gruppi ta’ rġiel barranin ħebbew sesswalment għan-nisa Ġermaniżi.
Il-Ħamis imbagħad Frank-Juergen Weise, il-kap tal-uffiċċju federali għall-immigrazzjoni qal li fil-pajjiż kien hemm 400,000 persuna li l-awtoritajiet ma kinux jafu l-identità tagħhom.
Sadattant fl-Afganistan waslet titjira speċjali b’125 Afgan li ntbagħtu lura pajjiżhom.
Jgħibu 130,000 immigrant li daħlu fil-Ġermanja
