Internazzjonali

Jinstab mejjet fl-Ambaxxata Palestinjana fil-Bulgarija

Policemen stand outside the compound of the Palestinian embassy in Sofia, Bulgaria February 26, 2016. REUTERS/Stoyan Nenov

Infetħet investigazzjoni wara li Omar Zayed, priġunier politiku magħruf, instab mejjet ġewwa l-Ambaxxata Palestinjana f’Sofia, il-kapitali tal-Bulgarija. Hu kien mar jistkenn fl-Ambaxxata wara li l-Iżrael talab l-estradizzjoni tiegħu.
Ħuh, Ahmad Zayed, stqarr li l-aħħar li kellmu kien il-Ħamis filgħaxija, u kien jinstema’ normali minkejja ċ-ċirkustanzi. Iżda lbieraħ filgħodu, Ahmad irċieva telefonata mill-Ambaxxata f’Sofia mnejn kien infurmat li ħuh kien instab mejjet.
L-uffiċjali tal-Gvern Palestinjan qalu li s-servizzi sigrieti Iżraeljani kienu wara l-qtil tiegħu.
Omar ħarab minn sptar Iżraeljan 25 sena ilu u kien ilu aktar minn 20 sena jgħix fil-Bulgarija. Dan, wara li kien ikkundannat għal għomru l-ħabs minħabba l-qtil ta’ raġel Iżraeljan. Fl-1990 beda strajk tal-ġuħ u waqt li kien qed jingħata l-kura l-isptar, ħarab. Hu daħal fil-Bulgarija fl-1994, fejn imbagħad iżżewweġ u kellu tlett itfal. Fl-2012, hu ngħata l-permess li jibqa’ joqgħod hemm.