Lokali Parlament

Kontijiet lil 850 familja għax ma jibagħtux lil uliedhom fiċ-child care centres minħabba mard

Familji rċivew kontijiet ta’ €1,000 u anke jaqbżu l-€1,200

850 familja li jibagħtu t-tfal fiċ-child care centres diġà rċivew kontijiet, bi wħud jammontaw iċ-ċifra ta’ €1,000 u aktar, u anke taqbeż l-€1,200 għaliex ikunu qabżu l-limitu ta’ 15% mill-ħinijiet li jkunu bbukkjaw iżda ma użawx għaliex ma jkunux bagħtuhom minħabba mard.

L-Oppożizzjoni sejħet lill-Gvern jirrevedi din is-sistema nġusta ta’ multi jew ħlasijiet li qed jiġu mitluba jħallsu l-ġenituri għaliex ma jibagħtux lil uliedhom fiċ-child care centre minħabba li jkunu ma jifilħux.

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Bikrija u Obbligatorja, fil-Parlament din il-ġimgħa sejjaħ dawn il-kontijiet li qed jiġu mitluba jħallsu l-ġenituri, bħala piż finanzjarju ieħor fuq il-ġenituri u weġgħa kbira li qed iħossu numru kbir ta’ ġenituri li jibagħtu lil uliedhom f’dawn iċ-ċentri.

Fisser fil-Parlament li l-ġenituri mhux b’kapriċċ ma jibagħtux lil uliedhom fiċ-child care centre meta diġà jkun diffiċli għall-ġenituri li jaħdmu meta wliedhom ikunu ma jifilħux.

Fisser ukoll li dawn il-kontijiet qegħdin iġiegħlu ġenituri jibagħtu lil uliedhom anke meta ma jifilħux, bi tbatija kemm għall-istess tfal kif ukoll għat-tfal oħrajn fiċ-child care centre minħabba li dan iwassal ukoll biex jinfirex il-mard.

Ikkritika wkoll kif il-ġenturi wkoll mhux qed jiġu emmnuti meta jippreżentaw iċ-ċertifikati ta’ mard tat-tfal tagħhom – li tfisser ukoll stqarrija ċara ta’ gvern li qed juri sfiduċja kemm fil-ġenituri kif ukoll fit-tobba li jiffirmaw iċ-ċertifikati tal-mard.

George Pullicino appella lill-Gvern ma jixxaħħaħx ma’ dawn il-ġenturi u jirrevedi s-sistema, meta l-Ministeru tal-Edukazzjoni qiegħed iħallas u jkabbar in-nefqa ta’ nofs miljun ewro f’konsulenzi waqt lill-ġenituri jibgħatilhom il-kontijiet meta ma jibagħtux lil uliedhom fiċ-child care centre minħabba mard.