Wara l-inċident f’Paceville żvelat minn NET News
Żewġ bouncers ta’ nazzjonalità barranija u manager Malti ta’ stabbiliment f’Paceville dalgħodu tressqu l-Qorti dwar l-inċident f’Paceville li seħħ ftit jiem ilu u li fih weġġa’ gravi ż-żagħżugħ Nicholas Aquilina.
Kien ma’ NETnews.com.mt li Nicholas Aquilina ta dettalji dwar ix-xebgħa li qala’ minn numru ta’ bouncers meta ż-żagħżugħ prova jwaqqafhom milli jsawwtu lil xi ħaddieħor.
Nicholas Aquilina ta’ 20 sena mill-Marsa kellu jittieħed l-isptar Mater Dei minħabba x-xebgħa li qala’ fis-sigħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu.
Aqra aktar: Żagħżugħ b’feriti gravi wara ġlieda f’Paceville
L-irġiel li tressqu l-Qorti huma Godwin Micallef ta’ 40 sena mill-Mosta u żewġ bouncers barranin: Nicolae Dobra ta’ 24 sena li joqgħod is-Swieqi u Miroslav Sasic ta’ 28 sena li joqgħod il-Mellieħa. It-tlieta li huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi kontrihom.
L-irġiel dehru quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, bl-Ispettur Prosekutur Elton Taliana jgħid li l-inċident kollu kien rekordjat fuq filmati tas-sigurtà.
Filwaqt li l-manager ingħata ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €5,000, iż-żewġ bouncers inżammu arrestati sakemm jitkomplew il-proċeduri kontriehom.
Imbikkma, waqt il-programm Newsfeed, l-omm kienet qalet li meta rat l-istat li kien fiha binha, bdiet tibża’ li ma kienx se jgħix.
Aqra aktar: “Min jaf hux se jibqa’ ħaj” – omm il-ġuvni li kien attakkat f’Paceville
//= $special ?>