Internazzjonali

‘Ma ħaqqux l-Oscar’….Attakk aħrax fuq DiCaprio mingħand membru (anonimu) tal-Akkademja

Membru anonimu tal-Akkademja tal-Academy Awards (Oscars) fl-Istati Uniti kkritika bl-aħrax lill-attur Leonardo DiCaprio ‘għall-performance redikola tiegħu’ fil-film The Revenant.

Dan il-film u DiCaprio huma fost il-favoriti għall-Oscar fil-kategoriji rispettivi. Intant, irrankat l-istennija għall-premjazzjonijiet waqt it-88 Serata tal-Academy Awards li ssir il-Ħadd fid-Dolby Theatre ta’ Hollywood, f’Kalifornja.

Il-membru tal-Akkademja partikolari – li ma ssemmiex b’ismu – jinsisti li l-interpretazzjoni ta’ DiCaprio f’The Revenant ‘ma ħaqqhiex li tkun rikonoxxuta bl-Oscar’ u spjega li ‘(DiCaprio) m’għandux jirbaħ sempliċiment għaliex il-produzzjoni tal-film kellha tegħleb id-diffikultajiet kbar ‘.

Dan il-membru anonimu (bid-dritt tal-vot) ilu jifforma parti mill-fergħa tal-eżekuttivi (magħmulha minn 458 membru) tal-Akkademja. Sadanittant, hu ikkritika wkoll l-interpretazzjoni ta’ Cate Blanchett (favorita għall-premju tal-Aqwa Attriċi) fil-film Carol, ‘għaliex dan il-film aktar jitratta l-kunċett ta’ x’inhu liebes kulħadd milli affarijiet oħra’.

Il-membru tal-Akkademja inkwistjoni lanqas ma żamm lura milli jikkritika l-films Brooklyn u Bridge of Spies (li qed jikkompetu għall-Oscar) bħala ‘wisq sentimentali u li jagħtu d-dehra ta’ xi produzzjoni tipika tas-snin ħamsin’.

Iżda hu faħħar il-films The Martian, Spotlight u The Big Short – fejn tkellem dwar talaħħar bħala ‘l-aktar produzzjoni kuraġġjuża tas-sena li titratta suġġett ikkumplikat (il-kriżi (crash) finanzjarja) bl-aktar mod divertenti’.