Internazzjonali

Meta d-dehra tinganna ….’L-iżball’ ta’ tfajla li mhi se tinsa qatt

Jgħidu li d-dehra tinganna u żgur li (mil-lum ‘il hinn) taqbel ma dan tfajla Amerikana li spiċċat vittma ta’ ċajta li twassal messaġġ sinifikanti lil kulmin jibbaża l-għażliet tiegħu jew tagħha fuq l-ewwel impressjoni.

Josh Paler Lin, minn Kalifornja, iridha tal-‘aktar ċajtier kreattiv li ġej mill-Asja’ u għadu kemm bagħat filmat fuq l-Internet li jitratta ‘l-istorja ta’ tfajla ħelwa li ppreferiet tagħti wiċċ lil raġel ‘sinjur’ milli lil wieħed ‘fqir’ u sinċier’.

Fil-bidu tal-filmat, Lin, li jidher kemmxejn żmattat u mitluq b’kappell u qmis tal-Hawaii, javviċina tfajla li tkun bilqiegħda waħedha barra kafeterija u, waqt li jikkumplimentaha, isaqsiha jekk jistgħux iqattgħu xi ħin flimkien. It-tfajla tiċħad l-offerta fil-pront waqt li ssostni li ‘hi għandha boyfried serju u li hi ma tagħtix in-numru tat-telefon lin-nies li ma tafhomx’.

Lin, imbagħad, jidħol fil-kafeterija u ftit wara jasal fuq il-post raġel liebes pulit, li jkun qed isuq karozza Mercedes u li jinstama’ jitkellem b’leħen għoli dwar ‘negozju li jiswa l-miljuni ta’ dollari’. Dan ir-raġel javviċina lit-tfajla barra l-kafeterija u hi taċċetta mal-ewwel meta hu jistaqsiha jekk jistax ipoġġi ħdejha.

Ir-raġel pulit isaqsiha jekk hi għandhiex boyfriend u malli hi tgħidlu ‘le’ jipproponilha biex huma t-tnejn jiltaqgħu għal drink dak il-lejl stess – bit-tfajla taħtfu fil-kelma.

Iżda l-kbir kien għadu ġej u r-raġel f’ħin minnhom jinforma lit-tfajla li ‘qiegħed hemm biex jiltaqa’ mas-superjur tiegħu’ waqt li jipponta lejn Lin li jkun ħiereġ mill-kafeterija. It-tfajla ma setgħetx tniżżel dak li kien qed jiġri, speċjalment meta r-raġel pulit dar lejn Lin u qallu li ‘kien ħasillu l-karozza u li kien ħaseb biex iġiblu l-ġlekk miegħu.’ Lin, imbagħad, ineħħi l-qmis tal-Hawaii u jilbes ġakketta sewda pulita, waqt li jneħħi wkoll il-qalziet stramb ikkulurit li kellu fuqu biex jiżevla li kien liebes qalziet iswed pulit minn taħt.

It-tfajla tistaqsi lir-raġel ‘pulit’ jekk Lin ‘kienx tassew il-boss tiegħu’ u meta dan wieġeb fl-affermattiv hi bħal donnha ‘insiet’ li kienet ftehmet għal date (mar-raġel pulit) u avviċinat lil Lin, li kien qed jiftaħ il-bieba tal-karozza, biex tgħidlu li ‘forsi xi darba jistgħu jqattgħu xi żmien flimkien’.

Lin ma jitlifx ħin biex jgħidilha li ‘hu mingħalih li qed toħroġ ma xi ħadd’, b’din it-tfajla twieġeb li ‘r-relazzjoni li semmiet (wara kollox) ma kenitx daqstant serja’.

Iċ-ċajtier, imbagħad, jikkonkludi d-diskors bl-osservazzjoni li ‘għalkemm hu minnu li huma setgħu jqattgħu xi ħin flimkien daqs għaxar minuti qabel, il-giddebin dejjem dejquh, l-istess bħall-persuni li lesti juru wiċċ b’ieħor għall-gwadann.’

B’dawn il-kliem ‘tad-deheb’, Lin jidħol fil-karozza mar-raġel ‘pulit’ – sieħbu f’din iċ-ċajta – u t-tnejn jitilqu ‘l hinn, fejn iħallu lit-tfajla tħares warajhom f’nofs it-triq.