Possibilita’ ta’ tibdil fir-regolamenti tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa

Ritratt mill-Arkivji

“Filwaqt li għandha tiġi rispettata r-rieda tal-maġġoranza kif imfissra fir-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa s-sena li għaddiet, dan għandu jsir fil-qafas ta’ regolamenti internazzjonali li għandhom jiġu segwiti.”
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt laqgħa f’Kastilja mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti. Dan fid-dawl tal-bidla fil-klassifikazzjoni tal-gamiem bħala speċi vulnerabbli mill-International Union for the Conservation of Nature (IUCN), organizzazzjoni internazzjonali li taħdem favur il-konservazzjoni tal-ispeċi naturali.
Joseph Muscat qal li wara din il-bidla, li hu żgur hu li ma jistax jibqa’ l-istatus quo u li jrid ikun hemm xi tibdil.
Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar x’tibdil jista’ jkun hemm se tkun ibbażata fuq ir-rakomondazzjonijiet tal-Kumitat ORNIS, kompla l-Prim Ministru.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-FKNK Lino Farrugia, qal li minkejja dan it-tibdil, il-Federazzjoni xorta temmen li d-deroga għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa tista’ tiġi applikata.
Hu qal li f’dan ir-rapport tal-IUCN, jidher fost oħrajn li l-ikbar theddida għall-gamiem mhux il-kaċċa iżda il-qerda ta’ ċertu habitats naturali tagħhom.