Lokali

Żvolta fl-iskandlu Gaffarena

Il-propjeta' li kienet fiċ-ċentru ta' dan il-każ

Il-Ko-propjetàrji tal-propjeta fi Triq Zekka fil-Belt Valletta talba huma wkoll biex ikunu parteċipi fil-każ li qed jinstema’ l-Qorti biex tittieħed lura l-propjetà li għaddiet fl-iskandlu li wassal għar-riżenja ta’ Segretarju Parlamentari.

Fl-istorja ippublikata mit-Times of Malta ntqal li s-sidien qed isostnu li meta l-gvern espropja nofs indiviż tal-propjetà espropja l-parti tagħhom ukoll u għalhekk ma kienux parti mid-deal li sar ma Gaffarena u dan minkejja li ttieħdet il-propjetà tagħhom. Qed ikun argumentat ukoll li b’hekk fid-deal Gaffarena ħa wkoll dak li ma kienx tiegħu.

Il-Każ il-Qorti beda jinstema’ wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Mark Gaffarena u martu Josielle biex il-Qorti tħassar it-trasferimenti kollha li saru b’rabta maż-żewġ kuntratti ta’ tpartit ta’ artijiet u assi, li kienu propjetà tal-Gvern u biex il-Qorti tordna li jintradd kollox lura.

Id-deal li għamel il-Gvern ma’ Gaffarena sewa lill-poplu Malti u Għawdxi aktar minn €3 miljun. Skandlu li saħansitra wassal anke għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari li kien responsabbli mil-lands, Michael Falzon. Każ li ġab anke kundanna b’rapport mill-Awditur Ġenerali.

Fl-aħħar żviluppi li ħarġu mill-Qorti ħarġet l-allegazzjoni diretta dwar l-involviment tal-Prim Ministru fl-Iskandlu ta’ Strada Zekka, b’Gaffarena jgħid illi kien Muscat li awtorizza t-trasferiment tal-artijiet.

Marco Gaffarena u martu talbu lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinvestiga lill-Avukat Ġenerali Peter Grech, lill-avukat Victoria Buttigieg u l-avukat Christian Falzon Scerri minħabba allegat kunflitt ta’ interess.

Fid-dikjarazzjoni ġuramentata li ġiet preżentata fil-Qorti, Gaffarena u martu qed jgħidu li saret talba biex il-Kummissjoni tinvestiga l-kummenti li għadda l-Avukat Ġenerali lill-Malta Independent on Sunday.

Iżda apparti minn hekk, f’dikjarazzjoni separata, Gaffarena qed jargumenta li l-Prim Ministru ma setax jiftaħ kawża kontra “trasferiment li awtorizza hu stess”. Din kienet l-ewwel darba li Marco Gaffarena qed jistqarr b’mod ċar kristall illi kien il-Prim Ministru direttament illi awtorizza dan id-deal jinten li diġa’ kien imċanfar mill-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu u li wassal għar-riżenja ta’ Michael Falzon.