Uħud mill-ħaddiema li l-kumpanija Leisure Clothing se tibgħat lura lejn pajjiżhom, fil-maġġoranza assoluta mill-Korea ta’ Fuq u Vjetnamiżi, jista’ jkun li għad għandhom jieħdu l-flus tax-xogħol li għamlu.
Id-deċiżjoni ttieħdet wara li investigazzjoni ta’ dan l-istazzjon kienet wasslet biex bdew proċeduri kontra l-kumpanija, akkużata bi sfruttament tal-ħaddiema.
F’kummenti li ta lill-istazzjon tal-istat iktar kmieni din il-ġimgħa, kelliem għall-kumpanija, Mario Ebejer, qal li d-deċiżjoni ttieħdet minħabba pressjoni mill-midja.
Iżda sorsi qrib dan il-każ spjegaw lil dan l-istazzjon li għal xi raġuni, l-ispezzjonijiet mill-Ispettorat fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħol qed jieħdu fit-tul u għalhekk mhux se jkun magħruf jekk dawn il-ħaddiema għadx għandhom jieħdu l-flus qabel filfatt iħallu Malta.
Jekk il-kumpanija tkompli bil-pjan tagħha li tibgħat lejn pajjiżhom lill-Koreani u l-Vjetnamiżi li għad għandhom jieħdu flushom, dawn hemm ċans li jitilfu l-ħlas dovut lilhom.
Dan hekk kif id-Dipartiment tax-Xogħol ma jkunx jista’ jirrappreżenta lill-ħaddiema ladarba dawn ma jkunux preżenti għall-kawża tagħhom.
Iżda ironikament fl-aħħar jiem il-kumpanija ħejjiet festin għall-ħaddiema tagħha biex flimkien jiċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida fil-kalendarju Ċiniż.
//= $special ?>