Konrad Mizzi jibqa’ jippersisti li m’hu jagħmel xejn ħażin wara li nqabad li għandu kumpanija fil-Panama, li hi magħrufa għas-segretezza u nuqqas ta’ trasparenza.
Waqt intervista fuq l-istazzjon Laburista One, Konrad Mizzi, Ministru ta’ Gvern ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u issa Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, ma jara xejn ħażin li għandu kumpanija fil-Panama, pajjiż blacklisted minħabba n-nuqqas kbir ta’ trasparenza u li għalhekk jattira lil min irid jaħbi l-ġid tiegħu u minn fejn ġie. Anzi, filwaqt li fl-ebda mument ma semma lil Panama, Konrad Mizzi qal li hu dritt tiegħu jagħżel liema struttura jrid.
U waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ġusitzzja Owen Bonnici jinjora għal kollox mistoqsija dwar il-kumpanija ta’ Konrad Mizzi fil-Panama
Mhux tal-istess fehma il-ġurnali indipendenti hekk kif fl-editorjali tagħhom huma kienu ċari li l-mod kif għamel l-affarijiet il-Ministru Konrad Mizzi iqajjem numru kbir ta’ mistoqsijiet.
Fl-editorjal fil-ħarġa tas-Sibt bit-titlu, Iwarrab lil Malta favur is-segretezza fil-Panama, il-ġurnal Times of Malta ma jomgħodx il-kliem u jgħid li meta Ministru ta’ Gvern jiftaħ kumpanija f’Panama ninn tant postijiet, dan huwa skandlu minnu nnifsu. L-editorjal ikompli li f’dan l-istadju, l-aġir ta’ Konrad Mizzi jmur kontra kull etika politika fondamentali. Il-Panama hu assoċjat mal-ħabi u dan l-aġir mhux aċċettabbli f’pajjiż demokratiku.
L-editorjal ikompli li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil staqsa numru ta’ mistoqsijiet pertinenti, fosthom li l-ftuħ ta’ trust fi New Zealand u kumpanija fil-Panama ma sarux biex issir ġestjoni tas-salarju ta’ ministru iżda biex jamministraw miljuni.
L-editorjal jgħid li dawn il-mistoqsijiet jistħoqqilhom tweġiba u meta wieħed iqis il-proġett multi-miljunarji li fihom hu nvolut il-Ministru Konrad Mizzi, il-mistoqsijiet jiġu waħedhom.
Min-naħa l-oħra, l-editorjal ta’ The Malta Independent jgħaqqad l-aħbar tal-kumpanija fil-Panama u t-Trust fi New Zealand u l-effetti tagħha fuq l-elezzjoni tal-istess Ministru Konrad Mizzi bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
L-Editorjal qal li minkejja t-tweġibiet ta’ Konrad Mizzi kienu taħlita ta’ nuqqas ta’ memorja jew ħabi, id-delegati tal-Partit Laburista tawh appoġġ ta’ 96% deskritt bħala a la Ceausescu mill-editorjal.
The Malta Independent ikompli li Konrad Mizzi kien sfurzat lill-Partit Laburista u d-delegati ivvutawlu b’mod qawwi. Il-mistoqsija hi kemm il-votanti Laburisti jaqblu u jappoġġjaw dak li qed jiġri.
//= $special ?>