Qattus bl-isem Corduroy, li qed jgħix ma’ Ashley Reed Okura u żewġha, Aaron, f’Sisters, fl-Istat Amerikan ta’ Oregon, hu kkonfermat bħala l-aktar qattus anzjan fid-dinja, fl-età ta’ 26 sena – li hi ekwivalenti għal 121 sena fil-ħajja ta’ qattus.
Iżda minkejja l-età tiegħu, Corduroy – kuntrarju għal ħafna nies li deħlin fiż-żmien u li ma jridux jafu bis-social media – għandu numru kbir ta’ segwaċi (followers) fuq il-profili li tellgħet il-familja li qed jgħix magħha, permezz ta’ Facebook, Instagram u Snapchat.
Il-fans ta’ Corduroy, kuljum qed jikkollegaw ma’ @oldestlivingcat biex jaġġornaw ruħhom ma’ dak kollu li għaddej minnu l-qattus, li għadu relattivament b’saħħtu.
Corduroy anki għandu t-titlu tal-Guinness World Records għall-‘aktar qattus (ħaj) li għex fit-tul’ u Ashley, is-sid tiegħu, qalet li tellgħet l-Instagram account ta’ Corduroy fit-13 ta’ Awwissu li għadda; il-jum meta l-qattus ingħata r-rikonoxximent minnGuinness.
Ir-reazzjoni għall-ħajja ta’ Corduroy fuq il-mezzi kollha tal-media soċjali minn dak iż-żmien kienet pożittiva ferm, u Ashley Reed Okura, li għandha 34 sena, qalet li hi tagħmel l-aħjar tagħha biex ‘iżżomm lill-followers aġġornati dwar il-qattus waqt li twieġeb għall-messaġġi u t-talbiet speċjali’.
Ashley Okura hi intraprenditur u żewġha, Aaaron, hu l-proprjetarju ta’ ranch restaurant.
//= $special ?>