L-Ingilterra tista’ tikkunsidra li titfa’ l-kandidatura tagħha għat-Tazza tad-Dinja tal-2030 skont iċ-Chairman tal-Assoċjazzjoni Ingliża Greg Dyke. Din id-dikjarazzjoni ħarġet ftit sigħat wara li Gianni Infantino ġie elett bħal l-President il-ġdid tal-FIFA.
Dyke qal li l-FIFA għandha kap li l-assoċjazzjoni tista’ tafda, wara li qal li kien sar impossibli tinnegozja ma’ Blatter. “Din hi ġurnata ġdida. Ċertament li se nippruvaw nirbħu xi tournaments. It-Tazza tad-Dinja tal-2026 se tmur fl-Amerka ta’ Fuq, iżda probabli se nippruvaw għal dik tal-2030,” kompla Dyke.
L-eks President Blatter irriżenja f’Mejju b’allegazzjonijiet li wasslu biex ikun sospiż mill-futbol għal sitt snin, liema sentenza qed jikkontesta.
Dyke kien kuntent bir-riżultat tal-elezzjoni, b’Infantino li bħala professjoni hu avukat, ġab 27 vot aktar mill-eqreb rivali tiegħu Skeih Salman bin Ebrahim al-Khalifa.
“Infantino hu kompetenti u organizzat. Mhux persuna mimli pożi, iżda tiegħu pjaċir miegħu. Hu għandu ħafna kwalitajiet u dan hu pożittiv għal FIFA. Dyke żied b’dikjarazzjoni iebsa fejn qal li l-FIFA ilha assoċjazzjoni korrotta għal żmien twil u hemm ħafna xogħol xi jsir. Iżda hu qal li hemm programm ta’ riforma u tal-anqas hemm President li huma jafdaw fih.
Il-pjanijiet għal tentattiv biex l-Ingilterra torganizza tournaments kbar se jgħaddu f’idejn Chairman ġdid hekk kif Dyke se jispiċċa mill-kariga dan is-Sajf.
//= $special ?>