Internazzjonali

Lejn il-vot dwar il-futur tal-Britanniċi fl-UE: Il-G20 twissi dwar “xokk” għall-ekonomija fuq livell dinji

Il-Ministri tal-Finanzi tal-akbar ekonomiji tad-dinja wissew dwar ix-xokk li għandha tgħaddi minnu l-ekonomija globali f’każ li r-Renju Unit jivvota biex ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni Ewropea waqt ir-referendum ta’ Ġunju li ġej.

Il-Ministri stqarru dan qabel għalqet il-laqgħa ta’ jumejn, fiċ-Ċina, għall-20 l-akbar pajjiżi industrijalizzati li jiffurmaw il-G20. Ir-Renju Unit, fit-23 ta’ Ġunju, jivvota dwar il-futur tiegħu bħala membru tal-Unjoni Ewropea u l-Kanċillier Britanniku George Osborne, li kien f’Shangai għal-laqgħa tal-G20, qal li l-kwistjoni hi serja għall-aħħar.

Uffiċjali Britanniċi, Amerikani u Ċiniżi, flimkien ma’ Christine Lagarde, li tmexxi l-Fond Monetarju Internazzjonali, kienu ilhom minn nhar il-Ġimgħa jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin relatati għall-ekonomija globali. Dan meta r-riżultat potenzjali tar-referendum fir-Renju Unit issemma fost it-theddid ewlenin għall-ekonomija globali u kien mistenni jidher fil-komunikat finali tal-G20.