Lokali

Filmat: “Qafluna fi djarna” l-anzjani tal-Belt jilmentaw dwar it-Trasport Pubbliku

Ir-residenti Beltin, b’mod speċjali l-anzjani, qed jitkarrbu biex is-servizz tar-rotta ċirkolari numru 133, li kienet iddur mill-qalba tal-Belt, issir mill-ġdid kull nofs siegħa flok kull siegħa.

Hekk kif ippreżentaw petizzjoni b’192 firma, grupp ta’ anzjani spegaw li t-tibdil sarref f’inkonvenjent kbir għalihom minħabba li jkollhom appuntamenti fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana jew l-Isptar Mater Dei li spiss qed jitilfuhom għax tal-linja ma tgħaddix u jispiċċaw jistennew għal sagħtejn sħaħ.

Qed jitolbu wkoll li r-rotta terġa’ tibda tidħol fit-toroq min-naħa ta’ ġewwa tal-Belt għaliex bħalissa qed jispiċċaw jaqbdu iktar minn karozza tal-linja waħda jew jimxi mixi twil li fl-aħħar mill-aħħar lanqas tiġihom worth it.

Dawk li attendew saħansitra allegaw li xi ħadd mhux magħruf fl-aħħar jiem kien qed iċempel lill-anzjani jgħidilhom li l-konferenza tal-aħbarijiet se titħassar u kien għalhekk li l-attendenza kienet baxxa.

Immedjat l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista, bi stqarrija mix-Shadow Ministers Marthese portelli u Paula Mifsud Bonnici fejn jingħad li dak li għaddejjin minnu dawn l-anzjani huwa eżempju ċar tar-riżultat li qed iħallu l-ingann, l-inkompetenza u l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista.

“Id-deċiżjonijiet tal-Ministru Joe Mizzi wasslu biex dawn l-anzjani jispiċċaw maqbuda fi djarhom jew ibgħatu biex jingħataw servizz. Kundanna akbar minn din lanqas jista’ jkun hemm,” jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Ikompli li l-verità hi li dawn l-anzjani spiċċaw vittmi tal-ingann ta’ Joseph Muscat qabel l-elezzjoni, l-inkompetenza kbira tal-Ministru Joe Mizzi u qed iħallsu l-prezz tal-kriżi ta’ korruzzjoni li jinsab fiha l-Gvern Laburista.