Il-kandidati riformisti fl-Iran qegħdin jittamaw li jżidu l-influwenza wara l-ewwel elezzjonijiet nazzjonali mindu tneħħew is-sanzjonijiet fuq dan il-pajjiż. Is-sanzjonijiet kienu twarrbu grazzi għall-ftehim mal-potenzi tad-dinja rigward il-programm nukleari tar-reġim Iranjan Iżlamiku.
Skont l-aħħar indikazzjonijiet, ir-riformisti kienu qegħdin igawdu vantaġġ fuq il-konservattivi fl-elezzjoni għall-Assemblea tal-Esperti (Reliġjużi Iżlamiċi), li hi magħmulha minn 88 membru u li taħtar lill-Mexxej Suprem tal-Iran. Hawnhekk qed jidher li l-President Iranjan Hassan Rouhani, moderat, u l-eks-President tal-Iran Akbar Hashemi Rafsanjani jinsabu fuq quddiem, meta, fl-istess ħin, qed jingħaddu l-voti għall-Parlament ġdid f’Teheran.
Il-membri tal-Assemblea ġdida jistgħu, ‘il quddiem, ikollhom jagħżlu suċċessur għall-Mexxej Suprem attwali, l-Ayatollah Ali Khamenei (fir-ritratt) li dan l-aħħar kien qed isofri minn problemi tas-saħħa.
Il-konkorrenza waqt il-votazzjoni kienet waħda qawwija, meta l-kandidati riformisti stinkaw biex iżidu s-saħħa fl-istituzzjonijiet ewlenin tal-Iran li huma ddominati mill-Iżlamiċi konservattivi. Ir-riżultati finali, intant, jistgħu jaffettwaw il-prospetti li l-President (riformista) Rouhani jkun elett mill-ġdid fl-2017.
L-ekonomija kienet issue importanti f’dawn l-elezzjonijiet u r-riformisti qegħdin jimmiraw għal investiment akbar minn barra li jixpruna opportunitajiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ.
Intant, mistennija jdumu biex jidħlu r-riżultati konkreti tal-elezzjoni għall-Parlament Iranjan u ħadd ma jeskludi l-possibbiltà ta’ tieni round, li, f’dan il-każ, għandu jsir f’April.
//= $special ?>