Mis-6 ta’ Marzu, il-Malta Public Transport ħabbret li se jkun hemm tibdil fir-rottot attwali li joperaw għall-isptar Mater Dei u l-Universita’ ta’ Malta. Dan it-tibdil se jidħol fis-seħħ wara deċijoni tal-awtorita’ governattiva Transport Malta.
Ir-rottot kollha li jiefqu quddiem l-entratura prinċipali tal-isptar, fil-waqfa bl-isem ‘Sptar’ kollha se jibdew jiefqu wkoll fil-waqfa tal-ġenb tal-Universita’ qabel ma jkomplu bir-rottot rispettivi tagħhom.
Tħabbar ukoll li fil-parti l-kbira tar-rottot, minħabba dan it-tibdil, mhux se jibqgħu jiefqu quddiem l-isptar San Luqa fil-Pieta’. B’hekk se jkun hemm inqas tidwir u dewmien.
Fl-istqarrija tħabbar ukoll li mis-6 ta’ Marzu r-rotta 122 li topera bejn il-Belt Valletta u l-isptar San Luqa, bejn it-Tnejn u s-Sibt, se tibda tkun frekwenti kull 20 minuta, filwaqt li l-Ħadd se tgħaddi kull 30 minuta. Ir-rotta 47 se tkompli tgħaddi mill-isptar San Luqa kull siegħa.
Dan ifisser li kull siegħa se joperaw erbgħa tal-linja bejn l-isptar San Luqa u l-Belt Valletta, u tlett tal-linja fis-siegħa se jaħdmu bejn l-isptarijiet San Luqa u Mater Dei.
//= $special ?>