Victoria Beckham, id-disinjatur tal-moda li hi miżżewwġa lill-eksplejer tal-futbol Ingliż David Beckham, ammettiet, pubblikament, li hi ‘ma tistax tilbes aktar żraben bit-takkuna’ bħala omm li għadha qed tibni karriera fil-qasam li għażlet.
Il-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar il-moda jqisu l-ammissjoni bħala waħda ‘kbira’ peress li Victoria Beckham – eksmembru tal-grupp The Spice Girls – ilha s-snin ‘sinonima’ maż-żraben bit-tkaken għoljin u fejn rari kienet tidher fil-pubbliku mingħajr par stilettos f’saqajha.
Intant, fl-2011, hi kienet ingħatat parir mediku biex ma tilbisx aktar żraben bit-takkuna ‘għaliex kienu qed jgħarrqulha saqajha’. Issa – ħames snin wara – Victoria donnha li aċċettat dan il-parir, skont ma qalet hi stess f’intervista mal-gazzetta The Telegraph.
Victoria Beckham spjegat li ‘qed tħoss l-effetti tas-snin fejn rari kienet taqla’ s-stilettos minn saqajha’. Hi sostniet ukoll li ‘l-impenji tal-moda m’għadhomx prattiċi daqskemm kienu.’
B’hekk Victoria ddeċidiet li ddur għaż-żraben (bħall-gym shoes) mingħajr takkuna waqt li għaddejja b’xogħolha, u meta spjegat ‘il-ħtieġa li l-ħwejjeġ ikunu komdi u sempliċi’, speċjalment għaliex hi qed ikollha tivvjaġġa għat-tul taż-żmien.
Victoria Beckham għadha kemm introduċiet l-aħħar kollezzjoni tal-moda waqt il-Fashion Week ta’ New York li kien organizzat aktar kmieni fix-xahar.
//= $special ?>