Lokali Sport Sport Ieħor

Il-Marokkin Abdel Harim El Fethi jirbaħ il-31 edizzjoni tal-Maratona ta’ Malta

Il-Marokkin Abdel Harim El Fethi rebaħ il-31 edizzjoni tal-Maratona ta’ Malta, maratona li din is-sena kienet waħda ferm missielta. Is-suċċess ta’ El Fethi jfisser ukoll it-tmiem tad-dominju tal-atleta Marokkin l-ieħor, Mohammed Hajjy, li kien qed ifittex li jirbaħ din il-maratona għas-sitt darba konsekutttiva.

F’tellieqa ikkaraterizzata minn riħ qawwi El Fethi kien il-ħin kollu quddiem u viċin tiegħu kien hemm l-istess Mohammed Hajjy u l-Marokkini l-oħra Ahmed Nassef, Lachem Morhazi.

Fl-aħħar żewġ kilometri l-isfida kienet bejn El Fethi, Nassef u Morhazi imma fl-aħħar kien El Fethi li ħareġ rebbieħ hekk kif kien hu li qasam il-linja finali l-ewwel. El Fethi għamel dan f’ħin ta’ sagħtejn u 18-il minuta u 56 sekonda. Naseef u Morhazi daħlu fit-tieni u fit-tielet post rispettivament filwaqt li Hajjy, ir-rebbieħ ta’ sena ilu, kellu jikkuntenta bir-raba’ post.

Ta’ min jinnota li minkejja r-riħ qawwi, El Fethi għamel ħin aħjar minn dak li kien għamel Hajjy is-sena li għaddiet (sagħtejn, 19-il minuta u 28 sekonda).

L-ewwel Malti li qasam il-linja finali kien Jonathan Balzan li spiċċa fit-tmien post fil-klassifika overall. Balzan għamel id-distanza ta’ 42km f’ħin ta’ sagħtejn, 40 minuta u 59 sekonda.

Fil-kategorija tan-nisa kienet il-Kroata Nicolina Sustich li rebħet it-tellieqa f’ħin ta’ sagħtejn, 50 minuta u 56 sekonda. Sustich għelbet l-isfida tal-Maltija Josann Attard Pulis li għat-tieni sena konsekuttiva spiċċat fit-tieni post. Din is-sena Attard Pulis għamlet ħin ta’ sagħtejn, 56 minuta u ħames sekondi.

F’dik li hi nofs-maratona kien l-atleta Għawdxi Charlton Debono li ħareġ rebbieħ f’ħin ta’ siegħa, għaxar minuti u 40 sekonda. Ir-Rumen Livio Crotoriu daħal it-tieni filwaqt li Andrew Grech spiċċa t-tielet.

Fil-kategorija tan-nisa rebħet l-Iskoċċiża Joasia Zakrzewski u qasmet il-linja finali f’ħin ta’ siegħa, 22 minuta u 19-il sekonda filwaqt li fit-tieni post daħlet il-Maltija Rita Galea. Galea spiċċat quddiem it-Taljana Roberta Ferris.

Fil-maratona ta’ din is-sena kien hemm parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn erbat elef atleta.

750 ħadu sehem fil-maratona sħiħa fuq distanza ta’ 42 kilometru filwaqt li aktar minn 3500 ħadu sehem fin-nofs maratona fuq distanza ta’ 21 kilometru. Minn dawn, ftit aktar minn 2000 parteċipanti huma barranin fejn madwar 600 kienu ġejjin mir-Renju Unit.

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-maratona ta’ Malta ġiet sponsorjata minn Vodafone.

L-atleta Malti Charles Darmanin ta’ St Patrick Athletic Club, waqqaf rekord tad-dinja meta ħa sehem għal 31 darba konsekuttiva, jiġifieri, kull sena mill-bidu tagħha – (19862-2016).

Ir-rekord tad-dinja kien reġistrat fil-Maratona ta’ Londra – 30 sena nfila – mill-1981 sal-2000.

Intant,fost il-parteċipanti għan-nofs maratona għal darb’oħra kien hemm numru ta’ personalitajiet, li jinkludu lill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Isports David Agius u personalitajiet televiżivi fosthom Keith Demicoli, Fabian Demicoli, Quinton Scerri, Rodney Vassallo u Joanna Camillerikif ukoll kantanti bħal Claudia Faniello.

Aktar kmieni…

Dalgħodu mijiet ta’ persuni taw bidu għall-maratona ta’ aktar minn 40 kilometru fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona ta’ Malta.

Il-maratona telqet fis-7.30 ta’ filgħodu mill-Imdina filwaqt li ħafna oħrajn se jipparteċipaw fin-Nofs Maratona li wkoll titlaq mill-Imdina għall-ħabta tad-9.15 ta’ dalgħodu.

Il-Fondazzjoni Inspire se tkun qed tibbenefika mid-dħul minn din il-Maratona, li issa saret parti integrali fil-kalendarju ta’ eluf ta’ persuni li kull sena jipparteċipaw.

Din hija il-31 edizzjoni tal-Maratona ta’ Malta, b’parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn 4,000 atleta.

Aktar minn 3,500 qed jieħdu sehem fin-Nofs Maratona fuq distanza ta’ 21 kilometru u aktar minn 750 atleta fil-maratona sħiħa fuq distanza ta’ 42 kilometru.

Ritratt ta’ fuq: Vodafone Malta

Filmat: Il-parteċipanti tan-Nofs Maratona jitilqu mill-Imdina

Fejn għandek tevita li ssuq waqt il-Maratona ta’ Malta

traffic malta marathon

half marathon

Ritratt: Il-parteċipanti jistennew biex jitilqu għan-Nofs Maratona