Simon Busuttil: 24 siegħa ċans sabiex Joseph Muscat jieħu azzjoni li nistennew li jieħu Prim Ministru ta’ pajjiż Ewropew u demokratiku
Fid-dawl tal-fatti ġodda dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar li se jagħti 24 siegħa ċans biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jieħu l-azzjoni li nistennew li jieħu Prim Ministru ta’ pajjiż Ewropew u ta’ pajjiż demokratiku, jiġifieri li jerfa’ r-responsabbiltà politika b’mod sħiħ.
F’kollegament telefoniku fuq Radio 101, Simon Busuttil qal li issa m’hemmx lok għal aktar tidwir bil-kliem, u daqshekk daħk fil-wiċċ. “Jekk il-Prim Ministru jonqos milli jagħmel dan, il-Partit Nazzjonalista se jasal għall-uniku konklużjoni li jista’ jasal għaliha, jiġifieri li dan il-Gvern ma jixraqlux aktar imexxi dan il-pajjiż,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħabbar l-azzjonijiet li se jieħu l-Partit Nazzjonalista.
Hu kien qed jitkellem fid-dawl tal-aħħar żviluppi drammatiċi. Simon Busuttil qal: “Issa qbiżtu kull limitu! Din hija prova oħra li l-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni. Joseph Muscat tilef kull awtorità morali li jmexxi dan il-pajjiż. “In-nies huma rrabjati u ddiżgużtati għal dak li qed jaraw iseħħ – affarijiet li ma jitwemmnux, affarijiet li qed jirredikolaw lil pajjiżna u jkissru l-isem ta’ pajjiżna. Dak li għamel Konrad Mizzi, u jekk jiġi kkonfermat, dak li għamel il-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa inaċċettabbli, u għandu jwassal mhux biss għar-riżenja immedjata ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri, iżda anke tal-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu,” sostna Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li quddiem dan kollu, flok iġib ruħu ta’ Prim Ministru li jaħdem fl-interess komuni ta’ kulħadd, flok jaqbad xkupa li jiknes il-barra lil kull min daħal jew daħħlu f’dawn l-intriċċi, Joseph Muscat qed jiddefendi bil-kbir lil min hu involut f’dawn l-iskandli kbar. Tant kemm qed jiddefendihom, li tqum mill-ewwel, il-mistoqsija jekk hux kompliċi magħhom.
Simon Busuttil sostna li l-poplu Malti u Għawdxi huwa rrabjat u ddiżgużtat bil-Gvern, u iddispjaċut għal pajjiżna. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista se jagħti vuċi lill-poplu Malti u Għawdxi. “Il-Partit Nazzjonalista se jagħti vuċi lin-nies li jridu politika nadifa, se jagħti vuċi lin-nies ta’ rieda tajba, lin-Nazzjonalisti, lill-Laburisti ġenwini, lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha: lin-nies li jriduna nnaddfu l-politika darba għal dejjem,” sostna Simon Busuttil.
Hu fakkar li meta kien jgħid li l-iskandli ta’ Gaffarena u tal-Cafe’ Premier kienu the tip of the iceberg, u meta kien jgħid li għandna Mafja minn Kastilja, llum qed jingħata raġun. “Issa qed naraw li l-protagonisti ta’ dawn l-iskandli enormi, fil-fatt, kollha qegħdin Kastilja. Għandna Gvern li huwa rotten to the core u l-ħuta minn rasha tinten,” qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil temm jitkellem dwar l-intimidazzjoni, b’referenza għall-attakki u intimidazzjoni fuq il-media, fuqu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, u fuq l-Oppożizzjoni b’mod ġenerali. Hu wera’ s-solidarjetà tiegħu mal-media u appella lill-media biex tkompli tagħmel xogħlha biex toħroġ il-verità.
//= $special ?>