Lokali

Jibqa’ jinsisti li mhux ser jirriżenja

Quddiem l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama….il-Ministru Konrad Mizzi jibqa’ jinsisti li ma jirriżenjax.

Din il-pożizzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi kienet żvelata f’intervista fuq il-Maltatoday fejn il-Ministru Mizzi qal li hu se jkun qed jippreżenta rapport annwali mid-Dipartiment tat-Taxxa Interni dwar it-trust li hu waqqaf. Il-Ministru Mizzi ċaħad li hu qed jevita t-taxxa fuq il-kumpanija li hu għandu fil-Panama u fuq it-trust fi New Zealand.

Fl-intervista l-Ministru Mizzi jsostni li dak li qed jagħmel, hu kollu legali fi struttura leġittima.

Il-każ tal-attivita finanzajrja tal-Ministru Konrad Mizzi ġie żvelat fl-aħħar ġimgħat, propju meta l-istess Konrad Mizzi kien maħtur Deputat Mexxej Laburista.

Jirriżulta li l-Ministru Korad Mizzi uża kumpnija li hi akkużata li taħdem għal oligarki u dittaturi. Filfatt il-kumpanija Massock & Fonseca għandha rabta ma’ dittaturi u oligarki u filwaqt li għandha bażi fil-Panama fetħet ukoll uffiċċju f’Malta f’Mejju tal-2013.

L-attivita’ ewlenija tal-kumpanija legali Mossack & Fonseca hi l-ħolqien ta’ kumpaniji li diffiċli jinstab traċċi tas-sidien propji tagħhom.

Il-każ li qed jffaċċja l-Gvern Laburista jikkomplika ruħu hekk kif kien żvelat li anki Keith Schembri, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ukoll għandu kumpanija fil-Panama.

F’nofs din il-kontroversja hemm l-Ażerbajġan, għall-fatt li hu stabbilit li l-ħbieb tal-Gvern ta’ Joseph Muscat fl-Ażerbajġan ukoll għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Il-kobba tkompli titħabbel hekk kif dak kollu jitpoġġa fil-kuntest taż-żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri għamlu fl-Ażerbajġan fejn iltaqgħu mal-President Aliyev.

Internazzjonalment l-Ażerbajġan hu kkunsidrat fost l-iktar pajjiżi korrotti fejn l-għaqda mhux governattiva Organised Crime and Corruption Reporting Project identifkat kumpaniji moħbija fil-Panama li s-sidien tagħhom huma l-membri tal-familja tal-President tal-Ażerbajġan.

Sadattant fil-Panama hemm problema kbira ta’ korruzzjoni għall-fatt li l-korruzzjoni hi l-istruttura li fuqha hi mibija l-ekonomija tal-pajjiż.