Lokali

Joseph Muscat ma’ jiċħadx li Keith Schembri għandu wkoll kumpaniji sigrieti fil-Panama

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ċaħadx ir-rapporti li ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandu wkoll kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Waqt li kien qed jindirizza ġemgħa partitarji Laburisti fiż-Żejtun, Joseph Muscat fl-ebda ħin tad-diskors tiegħu ma ċaħad dawn ir-rapporti, jiġifieri, li issa anke Keith Schembri magħruf bħala tal-Kasco, għandu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Dan wara li fl-aħħar jiem, Muscat iffaċċja wkoll pressjoni dwar il-kumpanija sigrieta li għandu Konrad Mizzi fil-Panama, wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja.

Dwar dan fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li kull min hu ddiżgustat u rrabbjat dwar dak li ġie żvelat dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri tal-Kasco, jinsab ixxukkjat li l-Prim Ministru, fid-diskors tiegħu, injora għal kollox dak li ġie żvelat.

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa inkredibbli kif Muscat injora kollox qisu xejn m’hu xejn u dan is-silenzju jkompli jżid u mhux inaqqas il-mistoqsiiet dwar Keith Schembri, Konrad Mizzi u dwar Joseph Muscat innifsu.

L-attivita’ politika fiż-Żejtun kienet indirizzata wkoll minn Konrad Mizzi li ntlaqa’ fis-sala b’ċapċip minn dawk preżenti kif wkoll mid-Deputat Laburista Silvio Schembri, li ddedidka ħafna mill-ħin tiegħu ifaħħar lil Konrad Mizzi.