Lokali

L-ebda libell u l-ebda intimidazzjoni mhi se twaqqaf lill-Oppożizzjoni milli tkompli tagħmel xogħlha fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-ebda libell u l-ebda intimidazzjoni mhi se twaqqaf lill-Oppożizzjoni milli tkompli tagħmel xogħlha fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Aktar minn 16-il siegħa wara li feġġew rapporti dwar kumpanija sigrieta li għandu ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fil-Panama, issa l-istess Schembri kkonferma li għandu din il-kumpanija sigrieta.

L-istqarrija tgħid li bla ma jagħmel referenza għall-Panama, għax jaf xi tfisser il-Panama, Keith Schembri ammetta li, bħal Konrad Mizzi, nqabad.

Schembri, tkompli tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, ma qalx meta fetaħ il-kumpanija, jekk hux fl-istess ġurnata li fetaħha Konrad Mizzi u jekk hux fl-istess żmien li, ma’ Muscat, marru bil-moħbi l-Ażerbajġan. Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu dawn it-tweġibiet issa.

Issa jonqos Muscat biex iwieġeb dwar dan l-aġir tal-aktar żewġ persuni viċin tiegħu ttemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Aktar kmieni ħareġ stqarrija Keith Schembri fejn fiha ikkonferma li għandu ‘trust’ fi New Zealand… l-istess bħal ma għandu l-Ministru Konrad Mizzi. Fl-istqarrija tiegħu, Keith Schembri tal-KASCO ma ċaħadx li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, ukoll… bħal ma għandu Konrad Mizzi. Huwa ħabbar li fil-jiem li ġejjien kien ser jiftaħ libell kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni.