Il-Pulizija f’Mumbai qed tipprova tiddetermina x’wassal beix raġel ta’ 35 sena joqtol 14-il membru tal-familja tiegħu, fosthom il-ġenituri tiegħu kif ukoll sebat itfal. Dan qabel ma mbagħad qatel lilu nnifsu billi tgħallaq.
Il-familja tal-qattiel, Hasnin Warekar, kienet miġbura għal funzjoni u jidher li hu poġġa xi droga biex jintilfu minn sensihom qabel ma qatilhom. L-unika li salvat kienet oħt il-qattiel u kien it-twerżiq tagħha li wassal biex il-Pulizija jaslu fil-post.
Hi s’issa mhijiex f’kundizzjoni li titkellem minħabba x-xokk kbir li għandha minħabba dak li rat.
Skont il-midja Indjana, l-iżgħar vittma kienet bint l-istess qattiel u li kellha biss tliet xhur filwaqt li l-ikbar kien missieru ta’ 55 sena. It-tfal l-oħra maqtula kienu ta’ ħutu bniet.
Massakrati 14-il membru ta’ familja fl-Indja
