Qorti fl-Istati Uniti ddeċidiet li żewġt aħwa f’Oklahoma jistgħu jgħaddu ġuri wara li nstabu biżżejjed provi kontrihom.
Robert Bever, ta’ 19-il sena u Michael Bever, ta’ 17-il sena, huma akkużati li f’nofs ta’ lejl f’Lulju li għadda qatlu, b’daqqiet ta’ sikkina, lill-ġenituri tagħhom, David u April ta’ 52 u 44 sena, u lil ħuthom Daniel, ta’ 12-il sena, Christopher ta’ 7 snin u Victoria ta’ 5 snin.
L-aħwa huma akkużati wkoll li ppruvaw joqtlu żewġt aħwa oħra tagħhom imma dawn irnexxielhom isalvaw.
Detectives li xehdu qabel l-Imħallef tat is-sentenza tagħha, qalu li ż-żewġ żgħażagħ kienu qed jiċċajtaw bejniethom huma u jiddeskrivu l-pjanijiet tagħhom lill-Pulizija. Huma riedu joqtlu diversi persuni biex isiru famużi.
Skont ix-xhieda tal-Pulizija, il-missier kellu 28 daqqa ta’ sikkina u l-omm, 48 daqqa. Il-pjan tagħhom kien li jqattgħu lill-qraba tagħhom biċċiet, iżommuhom f’kontenituri tal-iskart taħt il-bejt, jitilqu bil-karozza tal-familja u armi u ammunizzjon biex iwettqu attakki f’diversi postijiet fejn joqtlu għaxar persuni kull darba.
Detective minnhom qalet li ż-żewġ żgħażagħ kellhom l-għan li joqtlu 50 persuna, riedu paġna fuq Wikipedia u jidhru fl-aħbarijiet.
Il-Qorti ċaħdet it-talba li Michael Bever jiġi ttrattat bħala minorenni filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed tikkunsidra li titlob għomor il-ħabs għal Robert Bever.
//= $special ?>