Lokali

FILMAT : Il-Kap tal-PN Simon Busuttil iħabbar Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni

Kull min hu ta’ rieda tajba hu msejjaħ biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista fi Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni li se tkun organizzata nhar il-Ħadd li ġej fit-3pm minn Pjazza Kastilja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar dan fid-dawl tal-iskandlu tal-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama.

Fl-aħħar jiem il-Ministru Konrad Mizzi inqabad li wara li sar Ministru, fetaħ kumpanija fil-Panama – pajjiż black-listed għax hu magħruf għall-ħasil tal-flus u ħabi tal-flus.

Simon Busuttil qal li tant kemm jaf li dak li għamel hu ħażin, li issa, Konrad Mizzi qed jgħid li se jagħlaq il-kumpanija sigrieta fil-Panama.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista madanakollu qal li dan mhux biżejjed u jeħtieġ li jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li għamel.

Wara Konrad Mizzi, li bħala Ministru għandu r-responsabbilta’ diretta għal proġetti ta’ miljuni kbar, issa anke ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri tal-Kasco, inqabad li għandu ‘trust’ fi New Zealand u kumpanija sigrieta – l-istess bħal ma għandu Konrad Mizzi.

Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jgħidu jekk fetħux il-kumpaniji sigrieti fl-istess żmien u mill-istess konsulent finanzjarju. Jekk dan jirriżulta li hu veru, allura jkun ifisser li dan hu każ ta’ gravità kbira, fejn Konrad Mizzi u Keith Schembri jkunu qed iħawwdu flimkien minn Kastilja.

Il-Panama hu pajjiż black listed mill-Unjoni Ewropa, magħruf bħala pajjiż fejn jinfetħu kumpaniji sigrieti biex jinħaslu l-flus u jinħbdew il-flus.

“Għalkemm Konrad Mizzi u Keith Schembri qed jghidu li dawn fethu l-kumpaniji ghal ragunijiet personali u ta’ familja, ahna ma nemmnuhomx u l-poplu Malti ma jemminhomx,” sostna Simon Busuttil.

Quddiem dan kollu, kompla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru Joseph Muscat bla reazzjoni, xi ħaġa li qed tqanqal rabja fost min irid jara politika nadifa.

Ghal dawn ir-raġunijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella biex kull min hu rrabbjat u ddiżgustat b’dak li qed jiġri, jingħaqad għall-Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni nhar il-Ħadd li ġej fil-Belt.

Aktar dettalji dalwaqt…