Lokali Parlament

Il-Gvern ma jiħux il-ħin tal-Aġġornament fil-Parlament

Stqarrija Ministerjali mill-Gvern ukoll ma ssirx fil-bidu tas-seduta tal-lejla

L-Aġġornament fis-seduta parlamentari tal-lejla ma tteħidx mill-membri tal-Gvern, bis-seduta ġiet aġġornata nofs siegħa qabel.

Meta llejla fid-9pm l-Kamra aġġornat għal għada filgħaxija, u l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia staqsa għal aktar rimarki fl-aħħar nofs siegħa tas-seduta ddedikata għall-ħin tal-Aġġornament, ma kien hemm ħadd min-naħa tal-Gvern biex jagħmel id-diskors fil-ħin tal-Aġġornament.

Illejla kien imiss lill-Gvern li jieħu l-ħin tal-Aġġornament, wara li fl-aħħar seduta tal-ġimgħa l-oħra, kienet l-Oppożizzjoni li ħadet il-ħin tal-Aġġornament u kien tkellem id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.

Il-ħin tal-Aġġornament jalterna bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, b-aħħar nofs siegħa titieħed minn membri parlamentari biex jagħmlu diskors fuq is-suġġett li jagħżlu huma.

Huma l-Whips tal-Grupp Parlamentari li jikkordinaw id-diskorsi u l-interventi fil-Kamra tad-Deputati. Minn informazzjoni li għandu dan is-sit jirriżulta li kien hemm membru parlamentari min-naħa tal-Gvern li kellu jagħmel id-diskors, li iżda, fil-ħin li l-Ispeaker sejjaħ għal aktar rimarki biex jittieħed il-ħin tal-Aġġornament minn naħa tal-Gvern, ma kien hemm ħadd biex jagħmel id-diskors tiegħu u jieħu l-ġin tal-Aġġornament.

Stqarrija Ministerjali mill-Gvern ukoll ma ssirx
Fil-bidu tas-seduta tal-lejla, fil-ħin tal-istqarrijiet ministerjali, il-Gvern kellu jagħmel stqarrija ministerjali b’rabta mal-iżviluppi fl-inkjesta li għaddejja b’rabta ma’ abbużi fiċ-ċimiterji, liema stqarrija, minkejja li l-Oppożizzjoni wkoll kienet infurmata li kellha ssir fil-ħin tas-6.30pm, baqgħet ma saritx mill-Gvern.

Fil-bini wkoll tal-Parlament illejla, waqt li kienet għaddejja s-seduta parlamentari, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ta konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar protesta nazzjonali kontra l-korruzzjoni wara l-aħħar kriżi li sab fiha l-Gvern meta kienu żvelati l-kontijiet sigrieti fil-Panama u New Zealand tad-Deputat Mexxej Laburista u Ministru tal-Gvern, Konrad Mizzi.

Nhar l-Erbgħa fil-Parlament, il-Prim Ministru Muscat baqa’ jirrifjuta li jagħmel stqarrija ministerjali biex jispjega dak li ġie żvelat proprju lejlet li l-Ministru Mizzi sar Deputat Mexxej Laburista.