Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fetaħ libel kontra l-gazzetta ‘It-Torċa’ dwar artiklu li allega li Simon Busuttil naqas milli jiddikjara l-interessi finanzjarji tiegħu fid-dikjarazzjoni parlamentari tiegħu.
Simon Busuttil fisser dan l-artiklu bħala “falz mill-bidu sal-aħħar. Kull darba li l-Partit Laburista isib ruħu fi skandlu dlonk issib lit-Torċa u l-Orizzont jitfgħu t-tajn lejn il-Partit Nazzjonalista biex mingħalihom juru li kulħadd maħmuġ daqsu. Iżda din it-tattika issa qdiemet u ħadd m’għadu jemminha.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-fatti huma li d-ditta legali li kien parti minnha sal-2010, illum xolta, kellha, fost l-oħrajn, kumpanija li toffri servizzi legali ta’ trusts bħal kull ditta legali oħra f’Malta li taħdem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Dan ifisser li l-artiklu kontra Simon Busuttil mhux attakk kontrih iżda huwa wkoll attakk kontra s-settur finanzjarju f’pajjiżna.
Jingħad ukoll li Simon Busuttil ilu li waqqaf il-prattika legali tiegħu mill-2010 u rriżenja mill-kumpaniji tad-ditta legali li joffru dawn is-servizzi sa’ qabel sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma għandu l-ebda trust jew kumpanija reġistrata barra minn Malta kif għandu l-Ministru Konrad Mizzi li fetaħ trust fi New Zealand u kumpanija fil-Panama wara li sar Ministru.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu dejjem iddikjara l-interessi tiegħu kollha fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu kemm ilu membru tal-Parlament minn Marzu 2013 u l-allegazzjoni li huwa naqas milli jagħmel dan hija malafamanti u libelluża
//= $special ?>