Bidla fil-konkret għall-amministrazzjoni aħjar tal-art pubblika u qabża kbira ‘l quddiem fil-governanza tajba
L-Abbozz ta’ liġi revoluzzjonarja li tissalvagwardja l-wirt kulturali mressaq mill-Oppożizzjoni biex tissalvagwardja l-wirt komuni, u li tfassal mill-amministrazzjoni preċedenti, bdiet tiġi diskussa llum fil-Parlament f’Abbozz li ressqet l-Oppożizzjoni u li dwarha hemm ukoll il-qbil tal-Gvern.
L-Abbozz tressaq għad-dibattitu fl-istadju tat-Tieni Qari llejla fil-Parlament mix-Shadow Minister Jason Azzopardi, u kien sekondat mis-Segretarju Parlamentari Josè Herrera.
L-Abbozz ta’ Liġi jissalgwardja l-wirt komuni ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada, bl-iskop li jkun hemm liġi li tirregola l-klassifikazzjoni tal-proprjetà tal-Gvern u tapplika għall-futur u bl-ebda mod ma taffetwa d-drittijiet tal-privat.
L-abbozz għandu tliet għanijiet – li jkun protett il-wirt naturali, il-wirt kulturali u l-wirt storiku għall-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll dawk futuri.
Jason Azzpardi spjega li dan hu Abbozz li beda jaħdem fuqu meta kien fil-Gvern fl-2010, u f’Jannar tal-2013 qabel issejħet elezzjoni kien ukoll ippubblikat. Sena ilu l-Oppożizzjoni ħadet l-inizjattiva li tressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi f’mozzjoni, minħabba l-importanza tiegħu.
Il-Gvern Malti hu proprjetarju ta’ 55% tal-art f’Malta
Jason Azzopardi fisser li demanju pubbliku tikkonċerna l-artijiet kollha li l-Gvern ikollu f’idejh fil-kwalità tiegħu ta’ stat sovran, u kif dan l-Abbozz li jemenda l-Kodiċi Ċivili se jkun qed jagħmel distinzjoni bejn il-proprjetà pubbliku u demanju pubbliku.
Spjega li l-Gvern Malti hu proprjetarju ta’ 55% tal-art f’Malta – l-ikbar sid ta’ proprjetà f’Malta u anke fl-Ewropa u dan hemm raġuni storika għaliex Malta damet għal ħafna sekli f’idejn il-barranin li kienu jżommu l-proprjetajiet f’idejhom.
Dan l-Abbozz ta’ liġi, b’inizjattiva oħra tal-Oppożizzjoni wara li l-amministrazzjoni preċedenti diġà kienet ippubblikat white paper bi preparazzjoni għal abbozz ta’ liġi, biex nitfgħu ħarsitan ‘l fuq fil-ħarsien ta’ dak kollu li hu proprjetà pubblika mhux biss dik immobbli. Dan għax hemm ukoll il-prorpjetà li hi ta’ natura mobbli bħalma hi kollezzjoni ta’ mużew.
Liġi wkoll li se tittratta diffikultajiet li kienu jinqalgħu għaliex bil-liġijiet tal-lum ma tistax tagħti kirja fil-baħar.
Għall-ewwel darba f’dan l-Abbozz ta’ Liġi, l-istat qed jiġi dikjarat li jżomm ċertu proprjetà għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna bħall-kosta, kampanja, swar u fortizzi.
Semma kif sa ftit tas-snin ilu, f’sur kienet se tinbena swimming pool, f’fortizza kien hemm diskoteka, f’Bieb is-Sultan kien hemm pizzerija, u ġo fortizza kien hemm irziezet tal-majjal. Gvern li kien jaħseb f’dak il-mument iżda mhux għall-għada.
Il-parametru tal-kosta qed jiġi stabbilit bħala 15-il metru
Għall-ewwel darba dan l-Abbozz ta’ Liġi jagħti definizzjoni tal-parametru tal-kosta, tax-xtajta u tal-linja tal-kosta ta’ pajjiżna. Il-parametru tal-kosta qed jiġi stabbilit bħala 15-il metru.
L-Abbozz jistabbilixxi wkoll li titlu jew dritt privat mal-plajja, għandu jiġi reġistrat f’Reġistru Pubbliku.
Għall-ewwel darba l-Abbozz qed jagħmel ġabra tar-regoli kollha li għandhom x’jaqsmu mal-proprjeta pubblika, l-akkwist u t-trasferiment, u kif se jagħti dritt lill-privat fuq l-artijiet tiegħu.
Għall-ewwel darba, qed tingħata definizzjoni ċara ta’ x’inhu att amministrattiv li jinkludi liċenzji, permessi, konċessjonijiet jew encroachment fuq art pubblika li hi xi ħaġa ta’ tolleranza għaliex tista’ titwaqqaf mingħajr spjegazzjoni jew kumpens.
Dan l-Abbozz ta’ Liġi jispjega li l-art tinkludi wkoll taħt il-baħar u l-wiċċ tar-raba’ u taħt il-ħamrija. Min illum għandu dritt privat fuq il-proprjetà pubbliku jew id-demanju pubbliku, dan se jibqa’ għaliex din il-liġi tirregola l-futur.
Proprjetà pubblika tista’tiġi dikjarata bħala demanju pubbliku bi protezzjoni ogħla
L-Abbozz jelenka l-proprjetà li hi tal-Gvern u li tista’ tkun demanju pubbliku wara li jkun hemm proċess. Fost dawn jista’ jkun hemm akwadotti, widien, portijiet, pjazzez pubbliċi, triqat pubbliċi, msaġar, sqaqien u zoni ta’ importanza ekoloġika, swar, fortifikazzjonijiet, l-ajruport, il-kampanja, l-irdumijiet li mhumiex parti mill-parametru tal-kosta, il-kappelli fil-kampanja, beni mobbli ta’ importanza kulturali, storika u arkeoloġiċi u ambjentali, fosthom libreriji, gallariji tal-arti u beni tal-Gvern li jaqdu utilità pubblika u kollettiva li għandhom jiġu priservati għall-ġenenrazzjonijiet futuri.
Dan kollu hu proprjetà pubblika li issa jistgħu jiġu wkoll dikjarati bħala demanju pubbliku bi protezzjoni ogħla, u li dan jinvolvi skrutinju fil-Parlament li jidikjara hu s-sit bħala demanju pubbliku.
L-Abbozz jittratta wkoll beni li fin-natura tagħhom diġà qegħdin fid-demanju pubbliku bħala huma l-ibħra interni bħalma huma l-bajjiet, il-parametri tal-kosta, u dawn jistgħu jiżdiedu bi proċess u skrutinju fil-Parlament biex jiġu dikjarati bħala demanju pubbliku li titlob imbagħad drittijiet u responabbiltajiet biex din tiġi mħarsa, u ma tkunx kummerċjalizzata.
Il-Gvern unilateralment qed joħloq ristrizzjonijiet fuq il-prorpjetà u jamministraha bħala fiduċjarju.
Laqgħat kordjali bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni
Fisser li saru laqgħat kordjali mas-Segretarju Parlamentari Josè Herrera u kien hemm qbil li minflok Liġi tal-Parlament ikun hemm riżoluzzjoni tal-Parlament li xorta titlob dibattitu u l-approvazzjoni tal-Parlament.
Abbozz ta’ Liġi li qed jagħti saħħa liċ-ċittadini u NGOs minħabba li hekk kif ikun hemm talba biex proprjetà li hi pubblika tingħata protezzjoni ogħla ta’ demanju pubbliku, il-Gvern hu marbut li jinforma lil dik l-entità jew persuna li ressqet it-talba, biex fi żmien erba’ xhur jitlobha l-motivazzjoni u jekk jaqbel jinformaha wkoll meta se titressaq ir-riżoluzzjoni.
Proprjetà wkoll tista’ tiġi diklassifikata, minn demanju pubbliku għal proprjetà pubbliku, u ma tibqax dikjarata bħala demanju pubbliku bi proċess ukoll fil-Parlament.
L-Abbozz jiddedika ħafna l-kwistjonijiet ta’ encroachments u konċessjonijiet b’att amministrattiv u mhux aktar minn għaxar snin, u meta tiġi mġedda tista’ tingħata għal għaxar snin kull meta tiġi mġedda.
Il-mument li proprjetà minn demanju pubbliku tinżel għal proprjetà pubblika, u din terġa’ tmur lura għal demanju pubbliku, iridu jgħaddu 25 sena biex din terġa’ tiġi diklassifikata. Dan ukoll irid isir mill-Parlament.
Livell għoli ta’ skrutinju serju ta’ kull proprjetà tal-Gvern
Sejjaħ dan bħala livell għoli ta’ skrutinju serju ta’ kull proprjetà tal-Gvern. Hi l-ewwel liġi li qed tiddikjara li fejn hemm il-qerq hemm in-nullità. M’hemmx validità fejn hemm il-qerq.
L-Abbozz qed jistabbilixxi prinċipju li meta jiġi stabbilit mill-Qorti li d-diklassifikazzjoni kienet riżultat ta’ korruzzjoni, id-diklassifikazzjoni ma tkunx valida u d-drittijiet kollha li ħadet il-persuna bid-diklassifikazzjoni, ikunu nulli u bla effett.
L-abbozz jittratta wkoll ir-riklamazzjoni tal-art u qed jiddefinixxi u jirregola kif dan isir u dan hu wkoll livell għoli ta’ skrutinju.
Ix-Shadow Minister saħaq li dan hu Abbozz ta’ Liġi li jittratta l-ġid komuni u msejjes fuq l-importanza li nħarsu l-ġid komuni. Abbozz li jintroduċi livelli ta’ trasparernza, skrutinju u jibbilanċja d-drititjiet tan-nies u tal-pubbliku mal-interess ekonomiku ġenwin.
Abbozz li jididkjara li d-demanju pubbliku hu neċessrju għall-kultura ta’ ġid komuni li tipprevali f’era meta l-flus u l-profitti saru kollox. Appella biex il-kultura tal-ġid komuni tirbaħ fuq kull interess ekonomiku ieħor. Jason Azzopardi qal li dawn huma kwistjonijiet sensittivi li qed jiġu regolati għall-ewwel darba.
Rilevanza ambjentali, ekonomika u soċjali b’forza legali b’saħħitha għall-proprjetà li teħtieġ protezzjoni
Abbozz hu aktar minn bidla radikali għax hu bidla fil-konkret għall-amministrazzjoni aħjar tal-art pubblika u qabża kbira ‘l quddiem fil-governanza tajba u r-rilevanza ambjentali, ekonomika u soċjali b’forza legali b’saħħitha għall-proprjetà li teħtieġ protezzjoni biex il-ġenerazzjonijeit futuri jsibu l-kampanja, il-fortifikazzjonijet u s-swar fi stat tajjeb li jistgħu jitkomplew jitgawdew.
Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera ddikjara li l-Gvern jaqbel fuq l-importanza ta’ dan l-Abbozz biex jntbagħat il-messaġġ li qed nagħtu protezzjoni wkoll lill-wirt għall-ġenerazzjonijiet futuri u nissalvagwardjawh.
Josè Herrera qal li l-Gvern jaqbel mas-sustanza u l-prinċipju tal-Abbozz ta’ Liġi, u se tħalli legat pożittiv. Spjega wkoll li se jkun qiegħed iressaq ukoll numru ta’ emendi għal dan l-Abbozz ta’ Liġi.
Fisser ukoll li jaqbel ukoll li din il-liġi tgħaddi bi qbil fil-Parlament għaliex fisser li dan hu Abbozz b’żewġ aspetti.
Semma l-aspett tal-kosta u l-ibħra interni li kienu kunsidrati minn dejjem bħala demanju pubbliku, u ħadd ma seta’ jixtri territorju li jmiss mal-baħar.
L-aspett l-ieħor ta’ importanza hu s-settur marittimu għax tindirizza l-ambjent u l-patrimonju nazzjonali.