Lokali Qorti

Jittellaw il-Qorti b’rabta mas-serqa ta’ kannabis

Illum tressqu l-Qorti tlett irġiel li daħlu fi propjeta u ħarbu b’erbgħa kilogrammi ta’ kannabis, qabel ma twaqqfu mill-Pulizija ftit wara.

Luke Vella ta’ 20 sena minn Ħaż-Żabbar u Kevin Joseph Zerafa ta’ 31 minn Marsaskala, daħlu fil-propjeta ta’ Dylan Azzopardi f’Ħal Luqa, fejn serqu basket mimli b’erba’ kilogrammi reżina tal-kannabis u madwar mitt gramma ħaxix tal-kannabis.

Huma ħarbu mill-propjeta’ b’karozza misjuqa minn Rennie Fava ta’ 21 minn Ħaż-Żabbar, fejn wara 20 metru ġew arrestatu mill-Pulizija.

It-tlett irġiel qed jiġu akkużati b’pussess aggravat u kif ukoll b’pussess ta’ mus. Rennie Fava ġie akkużat ukoll b’sewqan negliġenti fejn saħanstira ħabat ġo karozza tal-Pulizija, u kif ukoll b’pussess ta’ għodda għall-użu fis-serqa. Dan tal-aħħar flimkien ma’ Kevin Joseph Zerafa ikkommettew dan l-att kriminali taħt sentenza sospiża. Filwaqt li Luke Vella ġie akkużat bil-pussess ta’ għodda għall-użu tas-serqa u anke b’reċidiv.

F’isem il-propjetarju Dylan Azzopardi dehret l-avukat Veronique Dalli.

L-avukat Giglio stqarr fil-Qorti li Dylan Azzopardi, li hu persuna magħrufa għall-attivita’ tal-użura, sellef il-flus lil Luke Vella. Dawn iż-żewġ persuni għandhom kawża oħra għaddejja fil-Qorti Ċivili, fejn Dylan Azzopardi ħebb għal Luke Vella, bil-konsegwenza tkun li Vella tilef għajn waħda. Dr Giglio kompla billi qal li Dylan Azzopardi offra lil Luke Vella €5,000 bħala kumpens, fejn dan tal-aħħar irrifjuta l-offerta. B’hekk, Luke Vella ħa l-liġi b’idejh u prova jikseb lura somma konsiderevoli billi jaħtaf dak li jsib quddiemu. L-avukat difensur qal li l-irġiel ma indunawx li dik kienet droga, minabba li kienu imgeżwrin u ħasbuhom flus jew deheb.

L-avukat Montalto, f’isem Rennie Fava, qal li l-klijent tiegħu bl-ebda mod ma daħal fil-propjeta’ privata jew ħataf id-droga, iżda kien biss involut fis-sewqan tal-karozza li biha kienu se jaħarbu.

Kevin Joseph Zerafa ġie rappreżentat mill-avukat Franco Debono, fejn dan talab li tiġi mogħtija liberta’ proviżorja lit-tlett irġiel peres li kollha huma parti fil-kawża.

F’isem il-propjetarju Dylan Azzopardi dehret l-avukat Veronique Dalli.

F’isem il-prosekuzzjoni dehret l-ispettur Justine Grech.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli tat liberta’ proviżorja lit-tlett irġiel bil-kundizzjoni ta’ depositu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000. It-tlett irġiel iridu jiffirmaw fir-reġistru tal-għassa kuljum.