Lokali

L-Abbozz tal-Gvern għar-Riforma fil-Ġudikatura hu kontra l-Kostituzzjoni – id-Dekan tal-Liġi

L-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-Riforma tal-qasam tal-Ġustizzja, imressaq fil-Parlament mill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, imur kontra l-Kostituzzjoni, jikser l-indipendenza tal-Ġudikatura, imur kontra d-drittijiet tal-bniedem u jbiddel il-Ġudikanti f’ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jkollhom joqgħodu għal li jgħid il-Gvern. Taħwida kostituzzjonali u travestiment tal-Ġustizzja.

Kliem iebes mid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, il-Professur Kevin Aquilina, f’artiklu fil-ġurnal The Times Of Malta dwar l-Abbozz tal-Liġi ppreżentat mill-Gvern, b’mod partikolari it-twaqqif ta’ Kumitat li jitratta kwistjonijiet ta’ natura dixxiplinarja fil-konfront ta’ Imħallfin u Maġistrati.

Dan hu differenti minn dak li kien hemm fir-Rapport mill-Kummissjoni Bonello, li kienet ipproponiet it-twaqqif ta’ Awtorità li tittratta dawn il-kwistjonijiet u li tkun magħmula minn Imħallef elett fost l-Imħallfin, Maġistrat elett mill-kollegi fil-Maġistratura u persuna oħra magħżula mill-President b’mod awtonomu wara konsultazzjoni wiesgħa. Il-membri tal-Ġudikatura jkunu f’maġġoranza biex tkun assigurata l-indipendenza tagħhom.

Il-Professur Aquilina qal li min-naħa l-oħra, il-Kumitat propost mill-Gvern se jkun magħmul minn tliet persuni, li jridu jkunu membri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. L-Abbozz ma jagħmilx eċċezzjonijiet ta’ min jista’ jkun membru fuq dan il-Kumitat, ħlief għall-President ta’ Malta.

Dan ifisser li fuq dan il-Kumitat, jista’ jkun hemm il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, li jirrappreżenta u jagħti pariri lill-Gvern, jew il-membri appuntati mill-Prim Ministru jew mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Professur Aquilina qal li dan imur kontra kull prinċipju fundamentali li Imħallef jew Maġistrat jista’ jidher quddiem l-istess nies li jkunu ressqu l-akkuża fil-konfront tiegħu, bħall-Prim Imħallef jew ir-rappreżentant tal-Gvern. Dan għaliex proċeduri kontra Imħallef jew Maġistrat jitressqu mill-Prim Imħallef jew mill-Ministru tal-Ġustizzja.

X’hemm ħażin li tkun Prosekutur u Imħallef fl-istess kawża?, staqsa sarkastikemt il-Professur Aquilina fl-artiklu, filwaqt li rrimarka li l-Inkwiżitur Pietro Duzina kien ikun kburi b’dan l-abbozz ta’ Owen Bonnici.

Kompla li l-Ġudikant li jidher quddiem dan il-Kumitat hu mċaħħad mill-istess drittijiet tal-bniedem li jamministra kuljum fil-konfront taċ-ċittadin komuni li jidher quddiemu, jiġifieri d-dritt ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi qal li l-indipendenza tal-Ġudikatura hi ferm aktar importanti milli l-kwistjoni tad-dewmien fil-Qrati.