Fl-Airport Service Quality Awards għall-2015, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rebaħ il-premju għat-tieni l-aqwa ajruport skont il-kategorija ta’ iktar minn 2 miljun passiġġier fis-sena.
Ir-rebbieħa minn fost 97 ajruport Ewropew, tħabbru llum minn Airports Council International. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb it-tieni post flimkien ma’ Dublin (25 miljun passiġġier fis-sena), Praga (bi 12-il miljun passiġġier) u Zurich (b’26 miljun passiġġier).
“Dan huwa l-aqwa premju għat-tim tal-ajruport tagħna, jiġifieri r-rikonoxximent tal-impenn tagħna lejn servizz eċċellenti. Rikonoxximent bħal dan jinkoraġġina sabiex nimmiraw għal affarijiet aktar ambizzjużi u nirrealizzaw il-viżjoni tagħna li nkunu l-aqwa ajruport fl-Ewropa,” qal Alan Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Borg fisser li biex l-Ajruport jibqa’ jilħaq il-mira tiegħu se jkompli jinvesti fin-nies u f’ajruport li jkun imqassam tajjeb u effiċjenti. Lejn l-aħħar tas-sena mistenni jibda l-proġett tat-tkabbir tat-terminal li, skont Borg, se jgħin lill-Ajruport jagħmel pass ieħor lejn l-ewwel post.
Borg iddedika l-premju mirbuħ lit-tim kollu tal-ajruport, mill-ground handlers sal-uffiċjali tal-immigrazzjoni, l-uffiċjali tas-sigurtà u r-rappreżentanti tal-linji tal-ajru.
//= $special ?>