Attivisti tal-moviment tas-soċjeta’ ċivili sejħu lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jonora l-prinċipji li dwarhom mexxa l-kampanja elettorali, it-trasparenza u l-kontabilita’, billi jikkundanna bla riżervi l-fatt li membru tal-Kabinett tiegħu u ċ-Chief of Staff tiegħu għażlu li jagħmlu investimenti f’pajjiżi li huma blacklisted mill-Unjoni Ewropea u li ma jagħtux informazzjoni dwar assi.
Il-Moviment Soċjeta’ Ċivili qal li hu assurd li l-Prim Ministru ma jara xejn ħażin f’dan sakemm il-Ministru jiddikjara l-eżistenza ta’ dawn l-arranġamenti finanzjarji, speċjalment għall-fatt li kienet il-media li kixfet kollox. Dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri, l-attivisti jsostnu li għandhom jiddisponu minn kwalunkwe assi li għandhom f’postijiet magħrufa bħala offshore tax havens, jew inkella li jkunu ripatrijati f’Malta.
Barraminhekk, f’isem it-trasparenza, il-Membri Parlamentari għandhom jiddikjaraw, permezz ta’ stqarrija ġuramentata, kwalunkwe investimenti barra mill-pajjiż.
Fl-aħħarnett, l-attivisti tal-moviment tas-soċjeta’ ċivili jappoġġjaw bis-sħiħ l-isforzi tal-media indipendenti biex jixħtu dawl fuq dan l-iskandlu u jiddeploraw sezzjonijiet oħra tal-media li qed jipprovaw inaqqsu mill-gravita’ ta’ dan l-iskandlu.
//= $special ?>