Il-Prim Ministru Joseph Muscat tilef libell li kien fetaħ kontra l-Kap, is-Segretarju Ġenerali u l-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista f’Ġunju 2013.
L-ilment ta’ Muscat kien dwar dak li rrefera għaliha bħala allegazzjoni falza u malafamanti meta kien intqal li jrid jiffriża l-paga minima.
Il-każ imur lura għall- kampanja elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali meta l-Partit nazzjonalista kien iddeskriva proposta ta’ Muscat bħala pjan biex jiffriża l-paga minima. Minbarra l-artikli dwar din il-proposta, il-Partit Nazzjonalista kien ħareġ ukoll billboard bil-kliem: “Muscat jiffriża l-paga minima”.
Dakinhar il-Partit Nazzjonalista kien ikkwota diskors fil-Kungress Ġenerali tal-Partit Laburista, kif ukoll stqarrija li kienet tgħid: “Tkellimna fuq il-minimum wage u li din ma togħlix.”
Matul il-kampanja elettorali kienu kkwotati wkoll numru ta’ diskorsi, inkluż tal-istess Joseph Muscat, kif ukoll ta’ Owen Bonnici, fejn jitkellmu dwar din il-proposta.
Is-sentenza, mogħtija mill-Maġistrat Francesco Depasquale b’hekk tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista li kien iddeskriva din il-kawża ta’ libell bħala attentat minn Muscat biex jagħlaq ħalq dawk kollha li kienu qed jikxfu l-proposta tiegħu.
//= $special ?>