Lokali

“X’qed tagħmel ma’ iswed?” – Franċiż aggredit minn erba’ bouncers f’Paceville għax iddefenda lit-tfajla Maltija

 Żagħżugħ Franċiż ta’ 21 sena, Kevin Prince Argelier, spiċċa mkaxkar ‘il barra minn post tad-divertiment f’Paceville minn erba’ bouncers Maltin għaliex fi kliemu ddefenda lit-tfajla tiegħu li kienet qed tiġi abbużata verbalment u aggredita bi vjolenza. 

Kollox beda meta ħabib tal-kuġin tat-tfajla staqsiha “x’qed tagħmel ma’ iswed?” Meta t-tfajla nsistiet li jiskuża ruħu, dan allegatament ta daqqa ta’ ponn f’wiċċha u waddabha mal-art. 

Malli ra dan Argelier, li ilu jgħix u jaħdem f’Malta għal xhur sħaħ, qabeż għat-tfajla tiegħu iżda lanqas laħaq qarreb lejha li ma spiċċax imkaxkar mill-flokk tiegħu minn erba’ bouncers, li identifikahom. 

Iż-żagħżugħ qed jisħaq li hu lanqas refa’ suba’ wieħed jew ipprova jiġġieled, imma sempliċiment kien sejjer lejn it-tfajla tiegħu biex jiddefendiha u jwaqqaf l-agressjoni fuqha. 

F’temp ta’ ftit ħin, il-Franċiż sab ruħu merfugħ bejn erbgħa, imniżżel it-taraġ kollu tal-post tad-divertiment u mitfugħ wiċċu mal-art fejn beda jaqla’ daqqiet ta’ sieq u bil-ponn bl-addoċċ. Jispjega li wieħed mill-bouncers qallu biex jirritorna lura l-Afrika, minkejja li twieled u għex fi Franza, u biex ma jerġax jirritorna, filwaqt li għajjru bi kliem offensiv, omofobiku u razzist. 

Sadattant it-tfajla tiegħu kienet għadha qed tiġi aggredita mill-persuna li oriġinarjament taha d-daqqa ta’ ponn, bil-konsegwenza li spiċċat imbenġla. Malli rnexxielha tinżel sa ħdejn l-għarus tagħha, bi skop li jintimidaha wieħed mill-bouncers saħansitra beda jsejħilha b’isimha u javżahha biex ma terġax tressaq lill-“iswed” lejn il-klabb. Dan filwaqt li baqa’ jtih bla ħniena. 

Dwar dan il-każ sar rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan bil-Pulizija qed tinvestiga. Argelier jgħid li waqt li kien qed jiġi aggredit u mgħajjar razzjalment kien hemm xi uffiċjali tal-Pulizija li semgħu kollox. Madankollu s’issa għadu ma ġiex ikkuntattjat.

Minn naħa l-oħra l-Pulizija kkuntattjaw lit-tfajla tiegħu fejn qalulha li dak li aggrediha kien lest jiskuża ruħu jekk twaqqa’ l-akkużi kontrih.

L-attakki verbali u razzisti weġġawni iżjed mid-daqqiet 

Argelier spiċċa mbenġel, u saħansitra qala’ daqqa f’għajnejh tant li ġimgħa wara, waqt din l-intervista, l-isklera (l-parti bajda) ta’ għajnejh il-leminija kienet għadha ħamra. 

Iżda minkejja dan jgħidli li t-tgħajjir, kummenti offensivi u razzisti li rċieva mill-bouncers fil-ħin tal-attakk weġġawh iżjed. 

Minn riċerka li għamel dan il-ġurnal jirriżulta li wieħed mill-bouncers fuq Facebook saħansitra għandu tpinġija tal-1812, fl-eqqel tas-supremazija tal-bojod fuq l-Afrikani u li turi żewġ persuni, wieħed ta’ ġilda bajda u ieħor ta’ ġilda skura, fi ġlieda bejniethom. 

Jirriżulta li wieħed mill-bouncers Maltin li kienu fil-bieb tal-istabbiliment, kien diġa‘ wera’ li ma jridux fl-istabbiliment tant li talbu kard ta’ sħubija li fil-verita‘ ma teżistix. 

Filfatt Argelier staqsa lit-tieni bouncer li kien għassa mal-bieb u dan ħallieh jgħaddi filwaqt li ż-żewġ bouncers “taw ħarsa f’għajnejn xulxin.” 

Bħala persuna li twieled u għex f’Pariġi għal snin twal, Argelier jgħid li jħossu imweġġa’. “Jien kbirt bi twemmin li kulħadd ugwali, irrispettivament mid-dehra tagħna. Dak il-ħin ħassejt sens kbir ta’ inġustizzja, waqt li jien kont hemm naqla’ u niġi offiż mingħajr ma stajt nagħmel xejn.”

Jgħid li każi bħal dawn f’pajjiż bħal Franza jġorru magħhom kundanna iżda f’pajjiżna, ġimgħa wara, għadu jistenna li ssir ġustizzja miegħu.

Il-verżjoni ta’ Argelier korroborata minn turista Irlandiża 

Wara li l-Franċiż qasam l-esperjenza tiegħu fuq Facebook, u appella għax-xhieda li jistgħu jgħinuh, kitbet tfajla Irlandiża li esprimiet ix-xokk tagħha għall-vjolenza li rat dakinhar. 

“Ir-raġel li safa’ attakkat ma rritaljax fl-ebda mument, minkejja li qala’ daqqiet ta’ ħarta qawwija, xuttijiet u daqqiet ta’ ponn minn numru ta’ bouncers,” spjegat l-Irlandiża. 

Fil-kummenti tagħha kompliet li “l-bouncers tant kienu bla kontroll, li nsibha diffiċli nemmen li ma kinux taħt l-effett tad-drogi.”  

Saħansitra qalet li meta kellmet lill-Pulizija li kienu barra l-istabbiliment, dawn spjegawlha li l-attitudni tal-bouncers hi waħda komuni. “Li kieku stajt niġbed filmat, ninsab ċerta li kienu jsofru l-konsegwenzi legali,” temmet tgħid it-tfajla Irlandiża, li wriet it-tħassib tagħha li “anke’ jekk hemm filmati minn kameras tas-sigurta’, dawn wisq probabli jitħassru mis-sidien tal-istabbiliment.” 

It-tfajla Irlandiża saħansitra għarfet lill-istess bouncers li Argelier kien indika bħala l-agressuri tiegħu. Madankollu sfortunatament jidher li din laħqet irritornat lura lejn pajjiżna u allura se jkun diffiċli li din tagħti x-xhieda tagħha. 

Argelier ifittex l-għajnuna minn dawk li raw x’ġara

Wara li seħħ dan il-każ, Argelier qed jitlob għall-għajnuna ta’ dawk li nzertaw kienu fil-post biex jgħinuh u jixhdu dak li raw. Ifakkar kif Paceville kull nhar ta’ Sibt filgħaxija jkun ippakkjat bin-nies u żgur li kienu għexieren li assistew għal din l-agressjoni razzjali.

“Ippruvajna nakkwistaw il-filmati tas-sigurta’ iżda m’għandniex. Qed infittex avukat li jkun jista’ jassistini. Saħansitra ktibt fuq Facebook biex forsi xi ħadd isib il-kuraġġ li jitkellem u jgħid il-verita’,” jtemm jgħid Argelier, dispjaċut għal dak li intortament kellu jgħaddi minnu.