Internazzjonali

Eluf ta’ immigranti iżolati bejn il-Greċja u l-Maċedonja

Żdied l-inkwiet dwar xi 8,500 immigrant ġo kamp mal-fruntiera bejn il-Greċja u l-eksrepubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fejn il-kundizzjonijiet qed jaqilbu dejjem għall-agħar. Dan meta l-kamp inkwistjoni kien maħsub li jieħu biss mal-1,500 persuna.

L-aċċess miz-zona ta’ Idomeni kien ilu magħluq għal madwar 24 siegħa wara protesti minn immigranti ddisprati biex ikomplu jivvjaġġaw lejn l-Ewropa tal-Punent. Intant, numru ta’ immigranti ilhom iżolati fil-kamp inkwistjoni għal aktar minn ġimgħa, meta l-inżul tax-xita qawwija fl-inħawi qed jimponi theddid serju għas-saħħa ta’ diversi nies mingħajr saqaf fuq rashom.

Fl-istess ħin, mijiet aktar ta’ immigranti, illum, dehru qegħdin jaqsmu l-għelieqi lejn Idomeni, waqt li t-temp kompla jaqleb għall-agħar

Ittellgħu l-mijiet tat-tined fl-għelieqi madwar ‘il-kamp uffiċjali’ li ma jifħalx għal aktar nies. Min-naħa tagħha, Caroline Haga, koordinatur għall-emerġenzi mas-Soċjetà Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, qalet li din is-soċjetà hi ferm preokkupata dwar is-saħħa tal-immigranti, fosthom tfal, li jridu jorqdu fil-miftuħ taħt ix-xita u meta fl-inħawi feġġet diġà epidemija tal-influwenza sostanzjali.