Internazzjonali

Fenomenu fuq l-Iskozja suspettat bħala xita ta’ meteoriti

Il-Pulizija fl-Iskozja, fl-aħħar sigħat, wieġbu għas-sejħiet urġenti mingħand nies inkwetati li qalulhom li d-djar tagħhom spiċċaw ‘jitheżżu u jitriegħdu’ b’kaġun ta’ fenomenu naturali.

Dan fost ċirkostanzi ssuspettati bħala r-riżultat ta’ xita ta’ meteoriti, bl-ispettaklu, matul il-lejl tat-Tnejn, ikun segwit mir-residenti madwar l-Iskozja. Fil-fatt, ħafna minn dawn in-nies irrappurtaw id-dehra ta’ ‘ballun tan-nar’ fis-sema’ kif ukoll dwar ‘tifqigħa qawwija’.

Kelliema għall-Pulizija Skoċċiża kkonfermaw li daħlulhom numru bla rażan ta’ telefonati b’referenzi għat-tregħid tad-djar u ħsejjes li jtarrxu. It-telefonati saru, fost oħrajn, lill-Pulizija f’Inverness u fin-naħat t’isfel tal-Iskozja, bil-kelliema jsostnu li ‘l-fenomenu kien segwit minn persuni madwar il-pajjiż’.

Il-Pulizija li investigaw iċ-ċirkostanzi qalu li kienu infurmati dwar il-probabbiltà ta’ xi xita ta’ meteoriti, iżda l-fenomenu xorta laħaq iġġenera mewġa ta’ tħassib u spekulazzjoni.

In-nies li daħlu fuq il-mezzi tal-media soċjali rreferew għal diversi każi potenzjali, fosthom xi avveniment ‘astronomiku’; xi forma ta’ attività militari jew – bħala l-aktar possibbiltà inkredibbli – ‘xi ħaġa assoċjata mal-astronawta Britanniku Tim Peake’, li, bħalissa, qed jaħdem fuq l-Istazzjon tal-Ispazju Internazzjonali.