Lokali

Filmat: ‘Jumejn li fihom ma stajtx nagħmel xogħol’ – Konrad Mizzi

Fl-isfond tal-iskandlu tal-kumpanija sigrieta fil-Panama l-Ministru Konrad Mizzi kien mistieden waħdu fil-programm ‘Ħu siġġu’ fuq One TV. Tul l-intervista huwa qal li fl-aħħar jumejn kellu kritika kontinwa u li minħabba f’hekk f’dawk il-jumejn m’għamilx xogħol tal-Gvern.

Fl-aħħar jiem l-attenzjoni kienet kollha fuq Konrad Mizzi fejn il-ġimgħa l-oħra inħatar bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u fl-istess jiem inqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama. Il-Ħadd li għadda anke ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellu jammetti li għandu kumpanija sigrieta.

Fl-intervista Konrad Mizzi ma waqafx jipprova jiġġustifika dak li nqabad li għamel.

L-iskandlu tal-kumpanija fil-Panama kemm dik ta’ Konrad Mizzi u kemm ta’ Keith Schembri qed ikompli jiżvilluppa b’mod kontinwu fejn filfatt il-Kap tal-PN ilbieraħ ħabbar li se tiġi organizzata Protesta Nazzjonali li se tkun il-vuċi tal-poplu kontra l-korruzzjoni l-Ħadd li ġej waranofsinhar fil-Belt Valletta.