Lokali

FILMAT: Marru jiġbru l-kera mal-Pulizija u sabuh mejjet, xahrejn wara li għeb

Allegatament il-kelba kielet biċċiet mill-katavru

Ronnie Stafrace ta’ 71 sena instab mejjet f’daru wara li sid il-post, marret mal-Pulizija biex tiġbor il-kera.

NETnews.com.mt mar fi Sqaq l-Ajri f’Ħaż-Żabbar fejn il-Pulizija għamlet is-sejba makabra tal-anzjan li nstab mejjet fir-residenza tiegħu xahrejn wara li deher l-aħħar mill-ġirien tiegħu.

Il-Pulizija kellhom jisgassaw il-bieb biex daħlu fid-dar tiegħu fejn sabu lill-anzjan mejjet u l-kelba tiegħu, li allegatament kielet biċċiet mill-katavru tar-raġel.

Ma’ NETnews.com.mt, il-ġirien iddeskrivew lill-anzjan bħala raġel minn tagħna u li qatt ma ta fastidju lil ħadd. Skont il-ġirien, hu għeb fl-istess ħabta li għalaq sninu.

Ir-raġel filfatt għalaq 71 sena f’Diċembru li għadda.