Ir-raħħal Ġanni Attard se jkun qed isemma’ l-każ tiegħu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. L-istess Ġanni Attard reġa’ kiteb ittra lill-Prim Ministru dwar il-kwistjoni tan-nagħaġ li jrabbi. Aktar kmieni din is-sena, il-Qorti ddeċidiet li 220 nagħġa li kien qed irabbi fir-razzett tiegħu fl-Għarb Għawdex kellhom jinqatlu għax kiser ir-regolamenti tas-sanità minħabba li qatt ma rreġistra dawn il-bhejjem.
Il-media segwiet il-każ anke minħabba li Attard kien ċempel waqt il-programm “Tagħna Lkoll” fuq Radio 101. Matul it-telefonata, Ġanni Attard appella lill-Prim Ministru biex jisma’ l-karba tiegħu, filwaqt li staqsa lil Muscat għaliex qed jagħmillu hekk meta fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvutalu u tant wegħdu affarijiet.
Fl-aħħar ittra li kiteb lill-Prim Ministru, Ġanni Attard qal li mkien ma jirriżulta li l-Qorti daħlet fil-mertu jekk in-nagħaġ għandhomx jinqatlu. Fil-fatt, il-Qorti fl-ebda waqt ma ssemmi li n-nagħaġ għandhom jinqatlu. Attard kompla jsostni li filwaqt li hu minnu li d-Direttur tal-Biedja għandu jagħmel ħiltu biex jara li l-annimali jkunu ħielsa minn kull mard, il-bażi tad-deċiżjoni kienet sempliċement li n-nagħaġ ta’ Attard ma kienux irreġistrati. Id-Direttur Ġenerali mexa fuq is-suspett li ladarba dawn in-nagħaġ ma kenux reġistrati, allura ġew suspettati li huma morda.
Ġanni Attard staqsa kif jista’ wieħed jassumi wkoll li n-nagħaġ li fadallu huma morda wkoll u x’inhi l-bażi legali tad-deċiżjoni tal-qtil tan-nagħaġ. Fl-ittra jisemma kif ma hemm l-ebda dispożizzjoni tal-Liġi li tgħid li jekk nagħġa ma tkunx reġistrata, din għandha tinqatel. La teżisti fil-Liġi ta’ Malta, kif lanqas teżisti fid-Direttivi u l-Leġislazzjoni Sussidjarja tal-Unjoni Ewropea.
Imbagħad, Ġanni Attard jagħmel referenza għat-test li jista’ jsir biss wara li n-nagħaġ jinqatlu, filwaqt li kompla kif ma hemm l-ebda garanzija li l-annimali kollha fuq il-gżejjer Maltin ma jistgħux ikunu garantiti li ħielsa minn kull mard, anke għax l-annimali ma jsirilhom l-ebda test tad-DNA biex jabbina l-ħaruf mal-omm. Fl-ittra, kien spjegat ukoll li r-reġistrazzjoni ta’ nagħġa ġdida ssir biss fuq dikjarazzjoni li n-nagħġa hi l-wild tan-nagħġa reġistrata.
Għaldaqstant, Ġanni Attard jistaqsi għaliex in-nagħaġ tiegħu għandhom jiġu kkundannati minħabba nuqqasijiet li jinsabu fil-Liġijiet u fir-Regolamenti viġenti taħt il-Liġi ta’ Malta.
Fl-ittra jikteb kif iħossu ddiżgustat dwar il-fatt li l-Prim Ministru baqa’ biss fuq dak li ntqal mit-Tobba Veterinarji. Sostna li l-parir tat-Tobba Veterinarji lill-Prim Ministru ma għandu l-ebda sugu għax hu kollu bla sens. Ikompli kif minkejja li għaddew mill-esperjenza tal-qtil ta’ 216-il nagħġa, it-Tobba Veterinarji issa jridu jkomplu joqtlu l-kumplament tan-nagħaġ u din id-darba bil-barka tal-Prim Ministru.
Spjega wkoll li l-Prim Ministru ma aċċettax għax jaf li m’hux parir ġust, iżda baqa’ jsostni li l-aħjar ħaġa hi li jiġu maqtula minħabba s-saħħa pubblika. Ġanni Attard temm jgħid li Malta kollha qed tikkundanna dak li qal Muscat fl-attività politika tal-Ħadd li għadda fiż-Żejtun.
//= $special ?>