Internazzjonali

Ġeneral tal-Armata jmut waqt attakk tal-ISIS fuq bażi fl-Iraq

Ġeneral tal-Armata Iraqqija u disa’ suldati oħra nqatlu fi splużjonijiet rispettivi waqt azzjoni suwiċida mit-terroristi tal-ISIS fil-Punent tal-Iraq. Ir-rapporti qalu li erba’ terroristi lebsin uniformijiet tal-Armata spiċċaw itajjru lilhom infushom wara li huma daħlu ġo bażi militari qrib ta’ Haditha.

F’waħda mill-isplużjonijiet inqatel il-Ġeneral Ali Abboud, li kien il-chief-of-staff tal-Kmand militari ta’ Jazeera u Badiya. Mifhum li numru ta’ suldati oħra spiċċaw midruba fl-attakk li jidher bħala l-aħħar f’sensiela ta’ azzjonijiet suwiċida mwettqa mill-ġellieda tal-ISIS fl-Iraq.

L-erba’ terroristi attakkaw daħla lejn il-kwartieri-ġenerali tal-Kmand ta’ Jazeera u Badiya fejn iġġieldu mas-suldati qabel huma tajjru ċ-ċinturini tal-isplussivi li kellhom fuqhom – wieħed minnhom fl-uffiċċju proprju tal-Ġeneral Abboud.

L-inħawi ta’ Haditha, xi 190 kilometru lejn il-Majjistral ta’ Bagdad, jinsabu f’waħda mill-ftit zoni tal-provinċja ta’ Anbar (tas-Sunniti) li mhix ikkontrollata mill-ISIS.

Fl-aħħar sigħat, suldati u qawwiet tal-ajru Iraqqin appoġġjati minn milizzji Xiti, bdew offensiva ġdida, fl-Iraq, biex jieħdu lura l-kontroll ta’ zona agrikola importanti lejn il-Grigal ta’ Samarra.