Lokali Parlament

Għajjat, daħk u storbju mill-Gvern fil-Parlament biex jiddefendi lill-Ministru Refalo

Ma jgħidx kemm huma l-konsulenti u l-persons of trust f’Għawdex fir-restawr u fil-kultura u lanqas għaliex qed jaħbi informazzjoni dwar il-Gozo Channel

Għajjat, daħk u storbju mill-membri tal-Gvern biex jiddefendu lill-Minsitru Refalo, ikkaratterizzaw it-tmiem tal-ewwel nofs siegħa tas-seduta parlamenatari tal-lejla waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari.

Wara sensiela ta’ mistoqsijiet mill-Oppożizzjoni marbuta ma’ responsabbiltajiet li għandu l-Ministru għal Għawdex, u wara li l-Ministru Refalo ta spjegazzjoni fit-tul u tkellem fuq ħafna oqsma iżda ma weġibx il-mistoqsijiet tax-Shadow Minister Chris Said u tad-Deputati Nazzjonalisti Frederick Azzopardi u Ċensu Galea, il-Ministru Refalo ried ikompli jispjega mingħajr ma jwieġeb il-mistoqsijiet. Dan minkejja li kien skada l-ħin tal-mistoqsijiet parlamenatari fost għajjat, storbju u tisbit mill-bankijiet tal-Gvern.

Il-Ministru għal Għawdex ma qalx kemm għandu konsulenti u persons of trust fir-restawr u fil-kultura meta llejla kien mitlub mix-Shadow Minister Chris Said biex jgħid kemm huma l-konsulenti u l-persons of trust f’dawn iż-żewġ oqsma partikolari.

Meta llejla fil-Parlament kien qiegħed iwieġeb mistoqsija supplimentari tax-Shadow Minister għal Għawdex wara li twieġbet mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis dwar ir-restawr f’Għawdex, il-Ministru għal Għawdex talab ix-Shadow Minister Chris Said jagħmel il-mistoqsija bil-miktub biex ikun jista’ jwieġeb. Flok ma wieġeb din il-mistoqsija, il-Ministru Refalo tkellem dwar il-kultura u l-identità ta’ Għawdex u l-Għawdxin.

Ix-Shadow Minister għal Għawdex irrimarka li l-Ministru hu accountable u jrid iwieġeb kemm għandu konsulenti u persons of trust, u ma jistax jgħid ma jafx. Talab lill-Ministru jwieġeb, iva jew le, jekk għandux konsulenti, u jgħid ukoll min huma u kemm qed jitħallsu.

Flok ma wieġeb iva jew le dwar jekk għandux konsulenti u persons of trust dwar ir-restawr u l-kultura, il-Ministru Refalo kkummenta li l-mistoqsija hi “too far fetched” għax qal li dawn huma affarijiet serji ħafna.

Għall-insistenza tax-Shadow Minister Chris Said biex il-Ministru Refalo jgħid sempliċi iva jew le dwar jekk għandux konsulenti u persons of trust għal dawn l-oqsma fil-Ministeru li jmexxi hu, il-Ministru Refalo kkummenta li fil-Parlament qed nitkellmu għall-platea, u talbu biex jagħmel il-mistoqsija bil-mitkub, filwaqt li staqsa jekk tistax tagħmel restawr bla esperti.

Għal mistoqsija oħra tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li staqsa lill-Ministru jelenka x-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru bħalissa, il-Ministru Refalo semma ċ-Ċittadella u n-niċeċ fit-triq li tagħti lejn Ta’ Pinu, u tkellem dwar dak li se jsir iżda mhux fuq dak li qed isir bħalissa.

Wara li l-Ministru Refalo semma l-ħidma tal-Gozo Channel meta kien qiegħed jagħti l-ispjegazzjoni dwar dak li qed isir f’Għawdex, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa għalfejn il-Ministru ma jridx jippubblika xi fjuwil xtrat il-Gozo Channel u ma jridx jippubblika min għandu l-free pass biex jaqsam b’xejn fuq il-Gozo Channel meta kien hemm policy ċara dwar min għandu. Fakkar li l-Ministru qal lil The Times li hi deskrizzjoni tiegħu, iżda mhux se jgħid min għandu. Chris Said staqsa lill-Ministru Refalo jgħid għalfejn dan il-ħabi kollu.

Il-Ministru Refalo fit-tweġiba tiegħu kkritika lill-Oppożizzjoni li qed tibqa’ tagħmel l-istess mistoqsijiet, u talab lix-Shadow Minister jidħol fil-websajt tad-Dipartiment tal-Kuntratti u jieħu l-informazzjoni minn hemm dwar il-fjuwil tal-Gozo Channel

Għal din it-tweġiba, ix-Shadow Minister Chris Said irrimarka mal-Ispeaker li meta membru tal-Kamra jagħmel riferenza għal websajt, għandu jpoġġi d-dokumenti li jkun qed jirreferi għalihom. Irrimarka wkoll li fil-websajt m’hemmx l-informazzjoni li ilu jistaqsi lill-Ministru Refalo dwar kemm inxtara fjuwil u mingħand min qed jinxtara l-fjuwil.

Bl-Ispeaker jitlob lill-Ministru Refalo jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti li qed jagħmel riferenza għalihom, il-Ministru Refalo irrifera biss għall-free passes li qed jingħataw mill-Gozo Channel u appella, fost ħafna tisbit u storbju min-naħa tal-membri tal-Gvern, għat-twaqqif ta’ kumitat b’rappreżentanza tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.

Hekk kif żdied id-daħk, l-istorbju u l-għajjat mill-membri tal-Gvern, il-Ministru Refalo qal li jrid ikun trasparenti għax qal li m’għandu xejn x’jaħbi, minkejja li dawn il-mistoqsijiet b’rabta mat-tmexxija tal-Gozo Channel ilhom isiru x-xhur mix-Shadow Minister Chris Said mingħajr ma tingħata l-informazzjoni.