Eġizzjan ta’ 40 sena, residenti f’Marsalforn f’Għawdex, intbagħat sena ħabs u ġie mmultat iktar minn €2,300 wara li l-Qorti sabitu ħati li heddet lil omm uliedu li se jitfagħlha aċtu f’wiċċha jekk uliedhom jattendu lezzjonijiet tar-reliġjon fl-iskola primarja li jattendu.
Walid Salah Abdel Mohamed, instab ħati wkoll li kiser Ordni ta’ Protezzjoni li l-omm kellha għal perjodu ta’ sena. Il-każ imur lura għal Diċembru li għadda meta r-raġel kellu argument mal-omm fejn ħebb għaliha u kissrilha n-nuċċali.
Il-Maġistrat Joe Mifsud, fl-għoti tas-sentenza tiegħu, qal li l-Qorti ma tistax tħalli għaddej dak li xehdet il-vittma dwar it-theddida li għamlilha missier uliedha li hu qies bħala “theddida serja ħafna fejn f’pajjiżi oħra, nisa spiċċaw vittmi ta’ tfigħ ta’ aċtu lejn wiċċhom”.
Il-Maġistrat ikkundanna l-aġir tar-raġel u appella biex l-awtoritajiet jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex persuni bħalu ma jitħallewx jiġru mas-saqajn. Il-Qorti sostniet li għandu jinbeda l-proċess biex persuni ta’ tħeddida għas-sigurtà ta’ Malta u taċ-ċittadini Maltin jitneħħilhom il-permess ta’ residenza u jintbagħtu lura f’pajjiżhom hekk kif saħaq li l-imputat m’għandu ebda periklu li jirritorna l-Eġittu, ma jeħtiġx protezzjoni anzi hi s-soċjetà li teħtieġ protezzjoni minnu.
Il-Maġistrat qies il-gravità tar-reati li tagħhom ir-raġel instab ħati u kkundannatu piena ta’ ħabs effettiva li hi l-massimu li tippermetti l-liġi.
//= $special ?>