L-Oppożizzjoni tappella lill-Gvern ma jdaħħalx it-taxxa fl-1 ta’ April meta ħadd fl-industrija ma jaf kif se tinġabar u kif se titħaddem
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg appella lill-Gvern jipposponi l-implimentazzjoni tat-taxxa fuq it-turisti għall-aktar tard possibbli din is-sena, u ma tiddaħħalx fi żmien 28 ġurnata oħra kif qal li se jkun qed jagħmel il-Gvern – lejlet il-bidu tal-aqwa xhur għas-settur turistiku.
Fil-Parlament illejla, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-turiżmu tkellem dwar il-miżura li ħa l-Gvern fil-Baġit dwar it-taxxa ta’ 50ċ fuq kull lejl li titħallas mit-turisti li jżuru pajjiżna. Il-Gvern kien ħabbar ukoll li din it-taxxa se tiddaħħal fl-1 ta’ April li ġej.
Filwaqt li fisser li l-Oppożizzjoni tiddejjaq li jkunu assorbiti €6 miljun minn fuq l-industrija tat-turiżmu meta l-Gvern seta’ kellu ideat oħrajn kif iġib din is-somma u ma kellux għalfejn idur lejn l-industrija turistika biex iġib dawn il-finanzi, l-Oppożizzjoni kenet ukoll saħqet fuq kif se tkun qed titħaddem din it-taxxa, min se jiġborha u kif se tinġabar.
Appella lill-Gvern, f’isem ir-rappreżentanti wiesgħa tal-industrija li l-Oppożizzjoni tinsab f’kuntatt magħhom, li din it-taxxa tiġi posposta aktar tard fis-sena.
Antoine Borg spjega li l-operaturi għadhom jistaqsu l-mistoqsijiet li qed tagħmel l-Oppożizzjoni lill-Gvern.
Irrimarka li din it-taxxa se tkun qed tiddaħħal lejlet l-aqwa xhur tal-industrija meta l-operaturi se jiġu mgħobbija bil-piż li jħaddmu din is-sistema li ħadd ma jaf kif se titħaddem.
Id-Deputat Nazzjonalista spjega li problema oħra hi marbuta mal-kontroll ta’ din it-taxxa. Appella biex il-Gvern jipposponi d-dħul ta’ din it-taxxa fl-aqwa xhur tal-industrija tat-turiżmu meta kull sena l-industrja jkollha tiffaċċja sfidi diffiċli bħalma huma l-problemi fit-trasport pubbliku u qtugħ fil-provvista tal-enerġija.
//= $special ?>