Mhux aċċettabbli li Ministru qiegħed idur ħafna mal-lewża, jgħid nofs veritajiet u jagħti impressjoni żbaljata dwar l-obbligazzjonijiet tiegħu li joħorġu mil-liġi
Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech iddikjara fil-Parlament li minn dak li kien żvelat fl-iskandlu nazzjonali dwar il-Ministru Konrad Mizzi u l-kumpanija tiegħu fil-Panama, jidher li l-Ministru Mizzi ma osservax il-Liġi ta’ Malta u kiser l-Income Tax Management Act tal-2004.
Id-Deputat Nazzjoanlista Tonio Fenech fil-Parlament illejla kkummenta dwar il-kwistjoni jew l-iskandlu nazzjonali dwar il-kumpanija li l-Ministru Konrad Mizzi għandu fil-Panama u l-implikazzjonijiet serji fit-trust li għandu fi New Zealand, kif ukoll għal dak li għandu wkoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Meta tkellem fil-ħin tal-Aġġornament, Tonio Fenech spjega kif il-Ministru Konrad Mizzi qed jagħmel asserzjonijiet li meta wieħed iħares l-obbligi li għandu, qiegħed idur ħafna mal-lewża, jgħid nofs veritajiet u jagħti impressjoni żbaljata dwar l-obbligazzjonijiet tiegħu li joħorġu mil-liġi.
Il-Ministru Konrad Mizzi qatt ma kien onest mal-poplu
Saħaq li l-Ministru Konrad Mizzi qatt ma kien onest mal-poplu, anzi prova jilgħab bil-kliem. Kif induna li hemm min jaf dwar dak li kien qed jaħbi mill-poplu, kif żvelat il-blogger Daphnie Caruana Galizia li bdiet tagħti ħjiel lid-delegati tal-Partit Laburista lejlet l-elezzjoni għad-Deputat Mexxej Labursta, il-Ministru Mizzi organizza intervista biex jiżvela hu.
Tonio Fenech ikkritika lill-Ministru Konrad Mizzi li qal biċċa biss mill-istorja għax kien jaf li l-parti li ħeba kienet moħbija f’ġurisdizzjoni li ħadd ma jista’ jkun jaf dwarha – trust f’kumpanija fi New Zealand li kellha ġurisdizzjoni fil-Panama fejn hemm liġijiet li fihom tinżamm is-segretezza. Spjega kif quddiem dawn il-fatti, rajna difiża assoluta minnu u mill-Prim Ministru.
Tonio Fenech staqsa kemm vera ddikjara kollox il-Ministru Konrad Mizzi fl-abbozz ta’ dikjarazzjoni li ta lill-Prim Ministru.
Semma responsabbiltajiet oħrajn li l-Ministru ma kienx ġenwin fihom meta qal li hu trasparenti u ried jonora l-obbligi kollha tiegħu, inkluż ta’ taxxa. Dan meta l-Ministru Konrad Mizzi qagħad attent meta qal dejjem, u tkellem fuq l-obbligi ta’ taxxa li jrid iħallas f’Malta.
Id-Deputat Nazzjonalista spjega li fil-Liġi Maltija, persuna residenti Malta u mwielda f’pajjiżna, bħalma hu Konrad Mizzi, għandu l-obbligi fiskali li jħallas it-taxxa fuq dak kollu li jaqla’ mid-dinja kollha, kemm jekk hu fuq l-appartament f’Londra u kemm minn kull dħul ieħor li għandu.
Fisser ukoll li min jara l-istruttura kif inħolqot, u jħares lejha mil-lenti kif inħolqot, l-istruttura finanzjarja hi disinjata biex id-dħul tiegħu ma jiġix intaxxat f’Malta.
Waqt li wieħed jista’ jaċċetta li xi ħadd privat jazzarda jagħmel din l-istruttura finanjarja bi skappatura tal-liġijiet Maltin, mhix aċċettabbli li Ministru ta’ Gvern li jsejjaħ lilu nnifsu Soċjalista u li jħares li t-taxxa hi dover lejn is-soċjetà biex tagħti l-wens u l-appoġġ lil min hu bżonn. Staqsa lil-Laburist jekk dak li għamel il-Ministru Mizzi jdoqqx għall-politika Soċjalista.
Staqsa wkoll kif u b’liema mod il-Pulizija tista’ tinvestiga kumpanija fil-Panama, fejn m’hemm ebda obbligazzjonijiet lanqas fuq il-kontijiet fejn jinżammu u fejn kulħadd jista’ jiddikjara li jrid.
Il-liġi ta’ Malta tobbliga lill-Ministru Mizzi jiddikjara dak li għamel barrra minn xtutna
Meta kompla janalizza dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi, Tonio Fenech saħaq li l-Ministru mhux biss ma kellux intenzjoni li jgħid dak li għamel, iżda kellu obbligu legali li jagħmlu u m’għamlux.
Obbligu legali li jirriżulta mill-Income Tax Management Act tal-2004, Artiklu 24 B, li juri ċar l-obbligu li għandu l-Minsitru Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
Tonio Fenech sostna li l-Ministru Mizzi u Keith Schembri kellhom obbligu bil-liġi li fi żmien speċifiku ta’ 30 ġurnata, formalment jinnotifikaw lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni u jagħtuh kopja ta’ kif twaqqfet it-trust.
Min jikser il-liġi jkun qed iwettaq offiża
Min ma jħarisx din il-liġi, saħaq Tonio Fenech, ikun qiegħed iwettaq offiża. Jirriżulta wkoll, kompla Tonio Fenech, li ma jidhirx li l-Ministru Konrad Mizzi innotifika lill-Kummissarju tat-Taxxi b’dan u għaldaqstant kiser il-liġi.
Xi skop kellu l-Ministru?
Staqsa xi ħtieġa kien hemm li l-Ministru Konrad Mizzi jagħmel trust fi New Zealand u li mbagħad, flok ma jpoġġi l-proprjetà fi trust direttament, jifforma kumpanija fil-Panama, f’pajjiż black listed, u jaħbiha taħt trust. Staqsa xi skop kellu l-Ministru Konrad Mizzi li ċċappas mal-ġurisdizzjoni fil-Panama.
Irrimarka kif hu ħasra kif il-Ministru tal-Finanzi qed jiġġieled u jargumenta mal-UE li pajjiżna qed jiġġieled il-ħasil ta’ flus meta l-Gvern tal-istess Ministru tal-Finanzi għandu Ministru li għandu kumpanija fil-Panama, u dan qed jiddefendih ukoll il-Prim Ministru.
Kixef ukoll l-inkonsistenza tal-Ministru Mizzi li wara li qal li m’għandux kontroll fuqha, qed jgħid issa li se jagħlaq il-kumpanija fil-Panama.
“Li l-Ministru Konrad Mizzi jinħeba wara trust mhix aċċettabbli. Li jinħeba wara l-pariri finanzjarji mhux lanqas aċċettabbli għaliex żgur li l-parir serju ma jkunx li jħares lejn ġurisdizzjoni fil-Panama fejn m’hemmx qsim ta’ informazzjoni. Għalhekk, il-Ministru Konrad Mizzi ried jaħbi, u din hi serja ħafna”, qal id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech.
Sejjaħ lill-Ministru Konrad Mizzi biex jiddeċiedi. Tonio Fenench saħaq li jekk waqqaf kumpanija l-Panama għax hu inkompetenti u qatt ma sema’ bil-Panama, għandu jirriżenja. Iżda jekk għamel dan għal raġunijiet oħrajn li n-nies imorru l-Qorti dwarhom u jeħlu l-ħabs, ma jixraqlux li jkun Ministru.
Il-poplu għandu jattendi l-protesta nazzjonali tal-Ħadd li ġej fil-Belt
Tonio Fenech qal li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jieqaf jaħbi u joffri r-riżenzja. Appella lill-popu jattendi l-protesta nazzjonali tal-Ħadd li ġej waranofsinhar fil-Belt biex jibgħat messaġġ ċar li dan mhux aċċettabbli u dan hu każ serju ħafna.