Lokali

Il-PL f’paniku u maqtugħ mir-realtà – il-PN

Għall-Partit Nazzjonalista, ir-reazzjoni tal-Partit Laburista għad-deċiżjoni ta’ Simon Busuttil li jsejjaħ Protesta Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni hi reazzjoni ta’ partit maħkum mill-paniku u li nqata’ għal kollox mir-realtà.

Fi stqarrija, ingħad li kif qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, jekk hemm xi ħaġa agħar milli tagħmel skandlu bħal dan, jigifieri li Ministru u Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jkollhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, hi li b’mod mill-aktar sfaċċat tippretendi li ma sar xejn ħażin.

In-nies mhumiex biss irrabbjati u ddiżgustati b’Konrad Mizzi u Keith Schembri, iżda huma aktar irrabbjati u ddiżgustati bir-reazzjoni sfaċċata tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li jmeri s-sewwa magħruf u jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn, sostna l-Partit Nazzjonalista.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista tenna l-istedina lil kulmin hu ta’ rieda tajba u jrid jiġġieled kontra l-korruzzjoni u favur politika nadifa biex il-Ħadd li ġej jattendi għal din il-Protesta Nazzjonali fil-Belt.