Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Eżami kruċjali għad-Demokratiċi u r-Repubblikani waqt ‘Super Tuesday’

Dan il-jum hu fost l-aktar importanti kemm ilha għaddejja l-kampanja għall-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti, meta qed isiru l-primarji fi ħdax il-Stat, skont il-proċess magħruf bħala Super Tuesday.

Il-kandidati rispettivi qed jippruvaw jiksbu t-tikketta tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan biex jikkuntestaw (għan-nom ta’ dawn il-partiti) il-votazzjoni finali ta’ Novembru għall-White House.

Il-primarji inkwistjoni jħollu u jorbtu għall-futur tal-kandidati li ffaċċjaw l-akbar eżami tal-kampanja. L-Istati partikolari jġebbdu minn Massachusetts sa Alaska, lejn il-Majjistral tal-Istati Uniti, waqt li spikkaw ukoll il-primarji ta’ Vermont, Texas u Georgia.

Wara l-votazzjonijiet preċedenti li saru f’erba’ Stati, il-kandidat Donald Trump jinsab fuq quddiem fil-kamp tar-Repubblikani waqt li Hilary Clinton tidher favorita li tikseb it-tikketta tal-Partit Demokratiku. Sadanittant, is-Senatur Repubblikan Ted Cruz ma jaffordjax li jitlef kontra Trump f’Texas, bi Trump jinsab ansjuż dwar ir-riżultat mill-elettorat moderat ta’ Massachusetts, biex ikun jista’ jkompli bl-ispinta.

Min-naħa tagħha, Hillary Clinton qed tittama li tibni fuq l-aħħar rebħa konvinċenti f’South Carolina. Qed jidher ukoll li r-riħ fil-kamp Demokratiku reġa’ dar favur Clinton wara li hi kienet tilfet fi New Hampshire kontra Bernie Sanders, is-Senatur minn Vermont u rivali ewlieni tagħha.

L-istħarriġ ta’ opinjoni kien ta vantaġġ lil Trump fi kważi l-Istati kollha mill-ħdax fejn qed isiru l-primarji u li huma Alabama, Arkansas, Georgia, Massachusetts, Oklahoma, Tennessee, Texas, Vermont, Virginia, Alaska u Minnesota.

Id-Demokratiċi, sadanittant, ivvutaw f’Alabama, Arkansas, Georgia, Massachusetts, Oklahoma, Tennessee, Texas, Vermont, Virginia, Colorado u Minnesota, kif ukoll fit-territorju ta’ American Samoa.

Hillary Clinton, bħala l-favorita tad-Demokratiċi, qed tittama li tkompli tikseb l-appoġġ tal-Amerikani suwed, u din id-darba minn postijiet bħal Alabama, Georgia u Virginia.

Ir-riżultati mill-primarji ta’ Super Tuesday jibdew deħlin mis-sigħat bikrin tal-Erbgħa.

Fit-8 ta’ Novembru, l-Istati Uniti teleġġi lill-President suċċessur għall-President Demokratiku Barack Obama li se jispiċċa mill-kariga wara żewġ mandati konsekuttivi.