Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), ma deherx quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex jirrispondi għal domandi relatati mar-Rapport tal-Awditur għas-sena 2014.
Is-seduta, li kellha ssir nhar it-Tnejn, fil-fatt ġiet posposta għal-lum, it-Tlieta, peress li ċ-Chairman u uffiċjali oħra tal-MCST kienu se jkunu msiefra.
Fid-dawl tal-assenza ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, ġie deċiż li l-iskrutinju tar-rapport rigward l-MSCT isir f’seduta oħra biex ikun preżenti ċ-Chairman Eżekuttiv.
Għalkemm l-istedina għall-attendenza fil-Kumitat ma saritx direttament liċ-Chairman, hi prassi li meta jkunu analizzati rapporti dwar entitajiet governattivi jkunu preżenti l-ogħla uffiċjali tal-entità skrutinata.
Bħala regola normali, l-istedina ssir lis-Segretarju Permanenti, f’dan il-każ fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, biex jintbagħtu l-uffiċjali relattivi biex iwieġbu d-domandi tal-membri tal-Kumitat tal-Parlament.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal li fil-każ speċifiku tal-MCST, peress li Jeffrey Pullicino Orlando hu ċ-Chairman Eżekuttiv, u fid-dawl li diversi deċiżjonijiet huma responsabbiltà assoluta tiegħu, għandu jkun hu li jagħti r-risposti għad-domandi li jista’ jkun hemm mill-Kumitat.
Għas-seduta tal-lum deher quddiem il-Kumitat Mario Borg, Uffiċjal Kap Amministrattiv li wkoll nhar it-Tnejn kien imsiefer maċ-Chairman.
Waqt l-analiżi li saret għar-rapport tal-Awditur Ġenerali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, id-Direttur Ġenerali, Frank Fabri, qal li ttieħdu diversi passi biex ikunu indirizzati nuqqasijiet elenkati mill-Awditur.
Fost oħrajn hemm kwistjonijiet dwar għoti ta’ kuntratti diretti, f’xi okkażjonijiet anke mingħajr evidenza ta’ awtorizzazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi. Ittieħdu passi wkoll biex sejħiet għal offerti jkunu aktar miftuħa mhux jibqgħu mgħoddija lill-istess nies u jkunu sewgiti proċeduri stabbiliti biex is-sistema tkun iżjed trasparenti u accountable.
//= $special ?>